Ġlieda bejn żewġt aħwa wara li l-allegat vittma beda jilgħab goff mat-tifel tal-akkużat

Wieħed mill-aħwa spiċċa bi ġrieħi serji fl-istonku tiegħu anke jekk l-akkużat insista li ma kellu l-ebda intenzjoni li jweġġa' lil ħuh

Argument bejn żewġt aħwa s-Sibt filgħaxija wassal biex wieħed minnhom jispiċċa jsofri ġrieħi serji u l-ieħor arrestat.

Wieħed mill-aħwa, ta’ 33 sena minn Bormla, tressaq il-Qorti llum akkużat bl-attentat tal-qtil ta’ ħuh, li kkawżalu ġrieħi gravi, li kien qed iġorr arma u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

L-akkużat deher il-Qorti f’siġġu tar-roti jisħaq li ma kellux intenzjoni li jweġġa’ lil ħuh.

L-Avukat tad-Difiża saħqet ukoll li l-akkużat ma kellu l-ebda intenzjoni li jweġġa’ lil ħuh u li l-inċident seħħ meta l-allegat vittma waqa’ fuq l-akkużat għax kien fis-sakra.

Spjega kif l-akkużat kellu tazza f’idu u li t-tazza nkisret meta l-allegat vittma waqa’ fuq l-akkużat, bil-konsegwenza li ġarrab ġrieħi fl-istonku.

Jidher li anke ħu l-akkużat u l-qraba taż-żewġt aħwa rrakkonta l-istess, waqt li l-Avukat insista li min irrapporta lill-Pulizija għamel dan b’mod anonimu.

Il-Prosekuzzjoni spjegat kif meta waslet fuq il-post fejn seħħet il-ġlieda, sabet lill-allegat vittma b’ferita kbira f’sidru. L-Ispettur Eman Haymen qal li l-allegat vittma beda jgħajjat u jisħaq li se jkun qed ipattiha lil ħuh, sakemm ftit wara ntilef minn sensih.

Qraba qalu li l-argument bejn l-aħwa beda meta l-vittma beda jilgħab bil-goff mat-tifel tal-akkużat.

Minkejja li saret talba għall-ħelsien mill-arrest, il-Qorti ċaħdet dan u ordna li l-akkużat jinżamm arrestat.

More in Qrati u Pulizija