Iċempel lill-Pulizija mwerwer u jispiċċa arrestat

Ir-raġel tressaq il-Qorti llum akkużat bi traffikar tad-droga wara li traċċi tal-kannabis instabu madwar l-appartament kollu inkluż fil-washing machine

Raġel li ċempel lill-Pulizija mwerwer, għax grupp ta’ rġiel kienu qed jippruvaw jidħlu għalih id-dar, spiċċa arrestat wara li fl-appartament tiegħu nstab ammont kbir ta’ kannabis.

Ir-Rumen li għandu 31 sena u residenti l-Qawra, tressaq il-Qorti akkużat b’pussess ta’ kannabis u li d-droga ma kinitx għall-użu persinali tiegħu.

L-Ispettur Clayton Camilleri qal li r-raġel ċempel lill-Pulizija wara li erbat irġiel, wieħed minnhom bodybuilder, kienu qed iħabbtu mal-bieb tiegħu u jhedduh li se joqtluh.

Meta l-Pulizija waslu, sabu traċċi tad-droga madwar l-appartament kollu u anke borża taż-żibel li kien fiha ħames kilogrammi kannabis. Ir-raġel kellu fuqu wkoll €4,000 fi flus kontanti.

“Traċċi tad-droga nstabu fil-kċina, fil-landa taż-żibel, fil-washing machine u aktar,” qal l-Ispettur li spjega kif ir-raġel jaqsam l-appartament ma’ raġel ieħor u t-tfajla tiegħu.

Ir-Rumen qed jisħaq li ilu Malta 18-il xahar u li ma kellux idea tad-droga u dalgħodu wieġeb mhux ħati.

Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat kemm għax l-investigazzjoni għadha għaddeja u anke għax ir-raġel ma għandu l-ebda rabta ma’ Malta.

L-Ispettur spjega wkoll li l-Pulizija qed ifittxu persuna oħra relatata ma’ dan il-każ.

Madanakollu, l-Avukat Giannella De Marco reġgħet wieġbet li l-persuna l-oħra li qed tfittex il-Pulizija hija l-istess persuna li kienet qed thedded lill-akkużat li se toqtlu.

“Se jkun akkużat u rrifjutat il-ħelsien mill-arrest għax ta informazzjoni lill-Pulizija dwar reat?” staqsiet l-Avukat. Insistiet ukoll li r-raġel qed jikri u lest jintrabat li ma jitlaqx minn Malta.

Madanakollu, l-Ispettur baqa’ jinsisti kontra. Qal li l-kera tal-appartament kienet f’isem it-tfajla tal-akkużat anke jekk il-kera jħallasha hu.

Il-Qorti oġġezzjonat għat-talba tal-ħelsien mill-arrest, anke minħabba n-natura gravi tal-akkużi.

L-assi kollha tal-akkużat kienu ffriżati.

More in Qrati u Pulizija