Liam Debono mill-ġdid fl-iżbarra; Fi ftit ġimgħat jintlemaħ darbtejn isuq bla liċenzja

Meta lbieraħ intlemaħ mill-Pulizija, Debono waqqaf il-karozza u pprova jaqbeż fuq is-seat tal-passiġġier

Liam Debono, iż-żagħżugħ li qed ikun akkużat li saq għal fuq il-Pulizija Simon Schembri, reġa’ spiċċa l-Qorti dalgħodu wara li nqabad isuq, ovvjament mingħajr liċenzja, u kiser il-kundizzjonijet tal-ħelsien mill-arrest.

Debono, li għandu 18-il sena, tressaq quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, wara li l-Pulizija qabduh isuq f’Ħal Luqa,

Huwa kien ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €40,000.

Apparti dan, fil-każ ta’ Simon Schembri, Debono qed ikun akkużat b’46 akkuża.

Jidher li Liam Debono ntlemaħ lbieraħ minn uffiċjal tas-CID li minnufih talab għall-għajnuna.

Fil-Qorti nstema’ kif meta Debono sema s-sireni tal-karozzi tefa’ fil-ġenb u pprova jaqbeż fuq is-siġġu tal-passiġġier.

Is-Surġent li għarfu qal li kien fi Vjal l-Avjazzjoni f’Ħal Luqa meta lemaħ persuna ssuq karozza li ġibditlu l-attenzjoni għax kienet tidher fil-baxx ħafna.

Qal li minnufih induna li kien Debono.

L-istess Surġent kien parti mit-tim investigattiv fil-każ tal-attentat ta’ qtil ta’ Simon Schembri.

Huwa segwa l-karozza li kien qed isuq l-akkużat u talab għall-għajnuna.

Qal li ppanikjat, Debono dar malajr lejn Triq Mikelang Sapiano, waqaf u seta’ jarah jaqbeż fuq is-siġġu tal-passiġġiera u l-persuna l-oħra li kienet miegħu ddur malajr biex teħodlu postu.

Debono qal lill-Pulizija li kienu għadhom kemm wasluh biex jiffirma l-għassa, iżda l-uffiċjal tal-Pulizija kien laħaq ħadlu ritratt bil-mowbajl.

Is-Surġent qal li sakemm waslu l-Pulizija, Debono kien waħdu fil-karozza u l-persuna l-oħra li kienet miegħu kienet għadha qed tipprova tiftaħ il-vettura.

L-Ispettur Fabian Fleri xehed ukoll li ftit tal-ġimgħat qabel, il-Pulizija rċevew rapport li Debono kien qed isuq karozza oħra.

Fleri qal li l-akkużat kien mitkellem mill-Pulizija u qalilhom li kien saq biss f’toroq privati.

L-akkużat baqa’ jwieġeb mhux ħati, bl-akkużat jinżamm arrestat.

More in Qrati u Pulizija