Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Qtil razzist | Marru biex joqtlu qattus iżda minflok sabu lil Souleymane

Lorin Scicluna jgħid li Francesco Fenech heddu li jisparalu jekk jipprotesta

Yendrick Cioffi / 24 ta' Mejju 2019 09:49
Dalgħodu, fil-Qorti, bdiet il-kumpilazzjoni ta' evidenza kontra ż-żewġ suldati akkużati bil-qtil razzist ta' Lassana Cisse Souleymane.

Minn dawn l-ewwel jum ta' kumpilazzjoni ħarġu diversi punti fosthom li:
  • Iż-żewġ suldati marru Ħal Far biex jisparaw fuq il-qtates kif ġieli għamlu;
  • Qtates ma sabux u l-vittma kien Souleymane u żewġ immigranti oħra;
  • Lorin Scicluna jgħid li Fenech heddu li jisparalu għax ipprotesta u kellhom xi jgħidu;
  • Iż-żewġ suldati kemm il-darba marru Ħal Far jipprovokaw l-immigranti għall-ġlied;
  • It-tfajla ta' Scicluna tgħid li kemm-il darba kien aggressiv lejn is-suwed anke għax iħarsu lejh; u
  • Wara l-omiċidju, Scicluna żied xi affarijiet fil-karozza biex ma tkunx tintgħaraf.


'Kienu jaħsbu li Malta sigura. Għalhekk ġew Malta'

Illum ix-xhud kien l-Ispettur Keith Arnaud li spjega x'sabu, dakinhar tas-6 ta' April, meta l-Pulizija waslet Ħal Far u sabet lil Lassana Cisse mejjet u żewġ persuni oħra feruti.

Kienu sewwieqa li għaddew minn dawk l-inħawi li ndunaw li kien hemm persuni midruba.

L-Ispettur qal li skont iż-żewġ immigranti li salvaw, huma kienu mexjin meta resqet lejhom karozza żgħira bajda u ġew sparati tiri min-naħa tas-sewwieq.

"Kienu jaħsbu li Malta sigura. Għalhekk ġew Malta," saħaq l-Ispettur.

Qal ukoll li wieħed milli-immigranti identifika wieħed mill-persuni fil-karozza. Qal li kien isfar, għadu żgħir u kellu jew mustaċċi jew goatee żgħira.

Karozza waħdiet għaddiet mill-inħawi fil-ħin tal-każ

L-Ispettur kompla jisħaq li l-Pulizija għamlet kuntatt ma' awtoritajiet barranin u kkonfermaw li l-kondotta tal-vittma kienet waħda nadifa.

Qal ukoll li minn kameras tas-sigurtà rriżulta li l-uniku karozza li għaddiet minn ħdejn Souleymane dakinhar u fil-ħin tal-omiċidju kienet Toyota Starlet. 

Insista li ma għaddiet l-ebda karozza oħra, f'dawk il-ħinijiet, fl-istess direzzjoni.

X'deher mill-kameras tas-sigurtà u kien għarfu l-karozza?

L-Ispettur spjega li mill-kamera jidher il-vittma miexi fit-triq u ftit wara għaddiet karozza. Qal li madwar għoxrin sekonda wara dehru wkoll iż-żewġ immigranti l-oħra u jidhru jħarsu lura bil-ħeffa daqslikieku sejħilhom xi ħadd.

Qal li l-karozza niżlet fi Triq il-Ġebel fejn seħħ il-qtil. Kompla jisħaq li s-CCTV baqgħet issegwi l-karozza sa Triq iż-Żurrieq.

Il-karozza mbagħad għaddiet one way lejn Birżebbuġa biswit l-al fresco restaurant u saqet lejn Għar Dalam u Bieb id-Deheb lejn it-Triq tal-Barrani.

L-aħħar li deher il-karozza kienet fi Triq is-Sorijiet f'Raħal Ġdid.

L-Ispettur spjega kif il-karozza kienet identifikata minn fost 300 karozza oħra f'Malta tal-istess tip, fosthom għax kellha mera nieqsa u anke għax kellha headlights qawwija ħafna.

Konnha qed niġru wara l-ħin għax ħsibna li se jilħqu jaħarqu l-karozza

Fl-investigazzjoni ġew identifikati xejn inqas minn 55 CCTV u dan għen lill-Pulizija biex tara eżatt dak li kien seħħ.

Arnaud spjega kif l-investigaturi kienu qed jiġru kontra l-ħin, anke għax kienu qed jibżgħu li l-karozza setgħet tinħaraq.

Iżda rnexxielhom jiksbu d-dettali tagħha, liema karozza kienet irreġistrata fuq Lorin Scicluna ta' 22 sena li jgħix Raħal Ġdid.

Saru xi tibdiliet fil-karozza bil-għan li din ma tkunx tintagħraf

L-Ispettur kompla jgħid li wara l-omiċidju żdiedu xi affariijet mal-karozza bil-għan li din ma tkunx tingħaraf.

Fost dawn, saritilha l-mera li kellha nieqsa, faxxa skura tweħħlet mal-ġenb tagħha u anke sticker.

L-arrest u l-armi li nstabu...

Kien l-Ispettur Arnaud stess li arresta lil Lorin Scicluna fis-17 ta' Mejju u taħt is-sodda tiegħu nstabet arma tan-nar.

Qal ukoll li ntab ukoll xi munizzjon li iżda ma kienx jaqbel ma' dak użat biex sar id-delitt.

Lassana Cisse Souleymane
It-tfajla ta' Scicluna tgħid li l-għarus tagħha ma tant kien iħobb l-immigranti

L-Ispettur qal li wara l-arrest tkellmu wkoll mat-tfajla ta' Lorin Scicluna u kkonfermat li l-akbar ħabib tal-għarus tagħha huwa Francesco Fenech, dak akkużat li spara.

Qalet ukoll li kontinwament kienu jżommu kuntatt flimkien.

Mistoqsija kif Scicluna kien iħares lejn l-immigranti, skont l-Ispettur, it-tfajla qalet li ma tantx kien iħobbhom għax fi kliemu "kienu jiġu Malta u jistennew li jikkmandawha huwa."

Saħansitra qalet li ta' spiss kien ikun aggressiv lejn suwed li jħarsu lejh. Insitiet li Francesco Fenech kien jaħsibha bħalu.

Scicluna jgħid lill-Pulizija li ġieli sellef il-karozza lil immigrant iżda...

L-Ispettur kompla jgħid li Scicluna kkonferma dak li qalet it-tfajla tiegħu.

Qal li huwa kien jaħdem bħala mechanic mal-FAM u ma kellu l-ebda kuntatt mal-immigranti.

Arnaud qal li Scicluna kien qed jiċħad l-involviment tiegħu u għall-bidu lill-Pulizija qalilhom li immigrant Libjan darba kien offrilu €1,000 biex juża l-karozza tiegħu u meta ġablu l-karozza lura kellha l-windscreen imkisser. Qalilhom ukoll li l-istess Libjan, darba oħra, kien offrilu €2,000 biex jerġa' juża l-karozza tiegħu.

Qalilhom li fil-karozza kellu arma kkargata u nesieha fiha meta ta l-karozza lill-immigrant u meta ġablu lura l-karozza, innota li l-arma kienet intużat.

Madanakollu, aktar tard ammetta li mhux vera kera l-karozza tiegħu lil Libjan u ammetta wkoll li kien hu li saq il-karozza meta Souleymane inqatel minn Fenech.

Marru biex joqtlu qattus u minflok...

L-Ispettur Arnaud għadda biex jispjega dak li qal Scicluna dwar dakinhar tal-qtil.

Arnaud qal li ż-żewġ suldati ġieli kienu użaw 'air rifle' biex joqtlu qtates u għasafar u xtaqu jaraw x'tista' tagħmel 'firearm.'

Skont l-Ispettur, kien Scicluna li kkarga żewġ armi, qala' l-pjanċi tar-reġistrazzjoni u marru lejn Ħal Far biex isibu qattusa u jisparawlha.

Kien Fenech li ppropona li jmorru lejn Ħal Far.

Qtates ma sabux. Minflok sabu lil Souleymane miexi. Qal li Francesco xxabbat mit-tieqa tal-karozza u spara żewġ tiri lejh.

L-ewwel tir ma laqtux, iżda t-tieni tir laqtu. Scicluna qal lill-Pulizija wkoll li kien hemm żewġ immigranti oħra u Fenech spara lejhom ukoll.

Scicluna jgħid li Fenech heddu li jisparalu

L-Ispettur Arnaud qal ukoll li fl-interrogazzjoni, Lorin Scicluna qal lill-Pulizija li Francesco heddu li se jisparalu jekk jipprotesta.

Kompla jgħidlu li kellhom xi jgħidu meta Lorin akkuża lil Francesco li għamel xi ħaġa "stupida."

'Kienu jmorru Ħal Far biex jipprovokaw l-immigranti għall-ġlied'

L-Ispettur kompla jisħaq li ż-żewġt iħbieb kienu ta' spiss imorru lejn Ħal Far biex jintimidaw lill-immigranti u jipprovokawhom għall-ġlied.

Qal ukoll li darba minnhom Fenech kien għadda minn fuq immigrant tant li kien faqa' l-windscreen tal-karozza.

Insista li ħafna drabi l-immigranti ma jatux kashom, iżda darba minnhom, immigrant wadbilhom il-ġebel u laqat il-karozza. Telaq jiġri bil-mixi iżda ż-żewġ suldati marru warajh u tawh xebgħa.

Jarmi l-munizzjon il-baħar u jixtri kollox mill-ġdid

L-Ispettur qal li Scicluna kien is-sid tal-arma li ntużat dakinhar tad-delitt.

Saħaq li wara r-reat, Scicluna mar jarmi kollox il-baħar u xtara munizzjon ġdid ta' ditta differenti.

Min huma l-akkużati u biex qed ikunu akkużati?

Francesco Fenech ta' 21 u Lorin Scicluna ta' 22, qed ikunu akkużati li qatlu lil Lassana Cisse f'Ħal Far f'April li għadda u li anke ferew serjament żewġ persuni oħra.

Qed ikunu akkużati wkoll li fi Frar li għadda saqu fuq immigrant ieħor.

Lorin Scicluna qed ikun ukoll akkużat li sar reċediv hekk kif diġà kien instab ħati fuq reat ieħor.

Il-Forzi Armati ta' Malta għamlet talba speċjali lill-President ta' Malta George Vella biex iż-żewġ suldati jkunu sospiżi immedjatament filwaqt li ordnat inkjesta interna.

Il-każ ikompli fit-28 ta' Mejju.

Yendrick Cioffi ssieħeb mal-kumpanija Mediatoday fl-2018 wara 4 snin ta' ħidma bħala ġurnalist mas-sit newsbook.com.mt. Cioffi jispeċjalizza fi stejjer soċjali , politiċi u kulturali u għal din l-aħħar sena kien responsabbli għat-tfassil ta' diversi supplimenti dwar festi ta' bliet u rħula differenti
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook