'Testijiet f’siegħa flok fi tliet xhur mil-laboratorji ta’ Mater Dei' - Fearne

“Illum riżultat ta’ test fuq it-tuberkolożi qiegħed jinkiseb f’madwar siegħa fejn qabel kienu jridu jgħaddu madwar 12-il ġimgħa' - il-Ministru Chris Fearne

Il-Ministru Chris Fearne
Il-Ministru Chris Fearne

Teknoloġija mill-aktar moderna ġiet installata fil-laboratorji molekulari tal-Isptar Mater Dei wasslet biex fejn sa ftit tax-xhur ilu riżultati ta’ testijiet speċifiċi kienu jieħdu bejn 8 u 12-il ġimgħa biex joħorġu, illum jinkisbu f’temp ta’ siegħa waħda. Dan qalu l-Ministru tas-Saħħa u d-Deputat PM Chris Fearne li sostna illi “f’dawn l-aħħar snin investejna bil-kbir f’dawn il-laboratorji u permezz t’hekk qiegħed ikollna r-riżultati tat-testijiet f’ferm inqas ħin minn qabel u preċiżi. B’hekk il-pazjent ikun jista’ jingħata trattament aktar kmieni u bi preċiżjoni peress li l-mikrobu jkun identifikat. Sa qabel iddaħħlet din it-teknoloġija moderna l-identifikazzjoni tal-mikrobu kienet tieħu tul ta’ żmien sostanzjali u sadattant xorta waħda kien jingħata trattament lill-pazjent, trattament li seta’ jkun fl-għama jew inkella ma jinbeda xejn ħlief meta jiġu r-riżultati.”

Id-Deputat Prim Ministru żied jgħid li llum flok fil-laboratorju jitkabbar il-mikrobu qed issir analiżi tal-mikroba għad-DNA u l-RNA tiegħu u dan iwassal għal aktar preċiżjoni. “Illum riżultat ta’ test fuq it-tuberkolożi qiegħed jinkiseb f’madwar siegħa fejn qabel kienu jridu jgħaddu madwar 12-il ġimgħa. L-istess fejn jirrigwarda testijiet tal-influwenza. Illum inkunu nafu preċiżament x’tip ta’ influwenza jkun milqut minnha l-individwu”, qal id-Deputat Prim Ministru filwaqt li ddeskrieva x-xogħol fil-laboratorji bħala wieħed speċjali, li ma jidhirx imma li huwa importanti ħafna u li għalih l-istaff jingħata taħriġ kontinwu.

Temm jgħid illi  huwa kkalkulat li f’sena fil-laboratorji ta’ Mater Dei jsiru madwar 400,000 test.

 

 

More in Qrati u Pulizija