Żagħżugħ jinżamm arrestat wara li tressaq akkużat li pprova jsuq fuq surġent

Iż-żagħżugħ kien akkużat li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest

Żagħżugħ ta’ 18-il sena minn Ħal Qormi nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li pprova jsuq fuq surġent tal-pulizija.

Il-Qorti waslet għal din id-deċiżjoni għax iż-żagħżugħ huwa reċidiv, kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mil-arrest b’garanzija personali ta’ €5,000.

Huwa kien akkużat li kien qed isuq karozza mingħajr liċenzja, u mingħajr polza tal-assigurazzjoni, li rreżista l-ordinijiet tal-Pulizija u li pprova jsuq fuq uffiċjal tal-pulizija

L-akkużat qed iwieġeb mhux ħati. L-Avukat tad-Difiża talab għall-ħelsien mill-arrest, talba li l-Qorti rrifjutat.

Dan minkejja li l-Avukat insista li hemm filmati tas-CCTV fl-inħawi tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla li jistgħu jitfgħu dawl fuq dan l-inċident. Huwa qed jisħaq li mhux minnu li ż-żagħżugħ pprova jsuq għal fuq is-surġent mara.

Il-Maġistrat wissiet liż-żagħżugħ li jekk meta joħroġ mill-ħabs jerġa’ jersaq lejn is-surġent jista’ jeħel sa sentejn ħabs u multa ta’ €7,000

More in Qrati u Pulizija