Jammetti li ħebb għal kandidat tal-PD għax qal li kien qed jilgħabha ta' Laburist

Raġel tressaq il-Qorti u ammetta li lbieraħ ħebb u weġġa' kandidat tal-Partit Demokratiku għall-kunsill lokali tal-Qrendi

Raġel li lbieraħ ħebb għall-kandidat tal-Partit Demokratiku għall-kunsill lokal tal-Qrendi, ammetta l-akkużi miġjuba kontih u ngħata l-libertà kkundizzjonata waqt li kien ordnat ma jersaqx lejn il-kandidat.

Ir-raġel, li għandu 32 sena, tressaq taħt arrest quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli akkużat li ħebb għall-kandidat Charles Polidano u anke li kkawżalu ħsara fil-karozza. L-akkużat qed jisħaq li l-kandidat daħak b’ommu meta ppreżenta lilu nnifsu daqslikieku kien kandidat Laburist.

L-Ispettur Trevor Micallef qal lill-Qorti li Azzopardi ħebb għal Polidano wara li dan tal-aħħar ċempel lil omm l-akkużat biex jitlobha tiffirma u tappoġġja l-kandidatura tiegħu.

Il-mara, li ma tafx tikteb u taqra, iffirmat il-formola nhar is-Sibt li għadda.

Skont Polidano, minn dakinhar, l-akkużat ċempel lil Polidano diversi drabi, jgħajru u anke jheddu

Il-kandidat qal li lbieraħ l-akkużat ħebb għalih, ikkawżalu tbenġil fi spalltu, inbuttah u meta pprova jidħol fil-karozza għalaqlu siequ mal-bieba.

Min-naħa tagħha, id-Difiża saħqet li l-akkużat irreaġixxa hekk għax ommu hija persuna vulnerabbli u għax l-akkużat ippreżenta lilu nnifsu daqslikieku kien kandidat Laburist, biex l-omm tiffirma.

L-akkużat ngħata sentenza ta’ sentejn libertà kkundizzjonata. Il-Qorti ordnatlu wkoll ma jersaqx lejn Polidano u ngħata ċans sitt xhur biex iħallas għall-ħsara li kkawża.

More in Qrati u Pulizija