Qtil Daphne | L-akkużati ma kellhomx avukat magħhom meta tteħdulhom kampjun tad-DNA

Dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni ta' evidenza kontra t-tliet irġiel akkużati bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia

It-tliet akkużati waqt l-aċċess li sar fuq il-post tad-delitt
It-tliet akkużati waqt l-aċċess li sar fuq il-post tad-delitt

Fil-Qorti dalgħodu ntqal li t-tlett irġiel akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ma kinux assistiti minn avukat meta tteħdulhom kampjuni tad-DNA.

L-Assistent Kummissarju Dennis Theuma qal lill-Maġistrat li huwa kien preżenti fid-Dipartiment tal-Pulizija għall-Investigazzjoni Kriminali meta l-eks Maġistrat Anthony Vella spjega lill-akkużati li se jkunu qed jitteħdulhom kampjuni tad-DNA.

Huwa saħaq li kien Vince Muscat biss li ma aċċettax li jagħti l-kampjun.

Dawn il-kampjuni ntużaw bil-għan li jkunu jistgħu jitqabblu mat-traċċi tad-DNA elevati minn fuq sigarett li kien kruċjali fl-investigazzjoni.

L-Assistant Kummissarju spjega dan hekk kif illum kompliet il-kumpilazzjoni ta’ evidenza kontra Alfred Degiorgio u l-aħwa George u Vince Muscat, akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia fis-16 ta’ Ottubru tal-2017.

Mistoqsi mill-Avukat tad-Difiża William Cuschieri jekk l-akkużati kinux infurmati dwar l-implikazzjonijiet u r-raġunijiet għalfejn se jittieħdu l-kampjuni, l-Assistant Kummissarju qal li hu ma kienx hemm il-ħin kollu u għalhekk ma setax iwieġeb.

“Tajjeb, tajjeb, ma tiftakarx,” qal Alfred Degiorgio b’daħka fuq fommu.

“Ħarist id-dritt tagħhom li jkollhom assistenza legali f’dak il-mument?” staqsa l-avukat. “Ma naħsibx, le,” wieġeb Theuma.

Xehed ukoll rappreżentant tal-Europol li reġa’ ntalab jiġi Malta biex jikkoreġi rapport li ssottometta wara li dan kien jinkludi numru nieqes fl-identifikazzjoni tal-bomba.

Il-każ ikomplu fit-3 ta’ Mejju.

More in Qrati u Pulizija