Tibgħatlu ultrasound ta' oħtha biex jemmen li kienet tqila mingħandu

Tfajla Ġermaniża tispiċċa l-Qorti wara li kienet thedded negozjant Malti biex jagħtiha l-flus jew inkella tikxfu ma' martu

Fil-Qorti nstema’ kif negozjant Malti spiċċa kellu jagħti €20,000 lil studenta Ġermaniża li kellu relazzjoni magħha wara li heddidtu li se tikxu ma’ martu.

L-istudenta Ġermaniża, li għanda 23 sena, tressqet il-Qorti akkużata li tat fastidju lir-raġel, li għamlet użu ħażin minn mezzi ta’ kommunikazzjoni u li anke kienet fil-pussess ta’ gass tad-dmugħ.

Fil-Qorti nstema’ kif meta n-negozjant kien mat-tfajla l-Ġermanja, wara li sikru, din ħaditlu l-karta tal-bank u ġiegħlitu jħallasha €15,000 jew inkella tikxfu mal-mara.

Jidher li r-raġel għamel rapporti f’Malta, bit-tfajla ġiet arrestata f’Hugo’s Hotel f’Paceville wara li ġiet Malta u talbet lin-negozjant biex jixtrilha karozza ta’ €60,000.

It-tfajla heddidtu li jekk mhux se jagħmel dak li qed tordnalu kienet se tibgħat ritratti u filmati kompromettenti tiegħu lill-mara.

Iżda apparti minn hekk, it-tfajla kien irnexxielha tieħu aktar flus mingħand in-negozjant wara li ġiegħlitu jemmen li kienet tqila mingħandu u saħansitra bagħtitlu ritratt ta’ ultrasound li kienet għadha kemm għamlet oħtha.

It-tfajla ammettiet li l-ultrasound ma kienx tagħha.

Il-vittma, li ismu la ssemma fil-Qorti u lanqas fl-akkużi, deher determinat li jaħbi l-identità tiegħu, tant li l-Avukat tiegħu, Joe Giglio, talab lill-Qorti tordna d-distruzzjoni tal-mowbajl li fih kien hemm ir-ritratti u l-filmati tar-raġel.

L-avukat tad-Difiża, Joseph Ellis, insista fil-Qorti li l-akkużata kkoperat mal-Pulizija u ddispjaċiha għal dak li wettqet u insista li kellha l-kondotta tagħha nadifa.

Wara li l-Qorti kkunsidrat l-akkużi u anke l-fatt li l-akkużata ammettiet kmieni, sabet lit-tfajla ħatja u tatha sentenza ta’ 18-il xahar ħabs sospiżi għal erba’ snin.

Ordnat ukoll li l-mowbajl tagħha jkun ikkonfiskat u jiġi distrutt.

More in Qrati u Pulizija