Il-PN jiddikjara rebħa hekk kif il-Qorti tirrifjuta l-appell ta' Muscat dwar il-każ tal-Vitals

Il-Qorti tal-Appell tirrifjuta t-talba ta' Joseph Muscat biex il-każ li fetaħ Adrian Delia kontra l-kuntratt mal-Vitals jinqasam f'diversi kawżi

Delia quddiem il-Qorti
Delia quddiem il-Qorti

Il-Qorti tal-Appell m'aċċettatx appell li fetaħ il-Prim Ministru Joseph Muscat, l-Avukat Ġenerali u l-Awtorità tal-Artijiet illi fih talab li l-każ li fetaħ il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jinqasam f'diversi kawżi differenti. Delia qed jitlob li l-kuntratt li sar ma' Vitals Healthcare, liema kuntratt ta tliet sptarijiet lil din il-kumpanija, ikun iddikjarat null. 

Dan ifisser li issa l-każ jista' jibqa' jinstema'. 

Fid-19 ta' Frar li għadda l-konċessjoni ta' Vitals għaddiet lil Steward Healthcare. Delia qed jinsisti li l-Gvern ma kellu eba dritt jawtorizza t-trasferiment bejn VGH u Steward ladarba l-VGH kisru diversi termini tal-kuntratt.

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal illi minkejja li Muscat ried li l-każ ikun kemm jista' jkun pospost Delia oġġezzjona bil-qawwa. 

"Illum hija ġurnata li timmarka rebħa mhux biss għall-Kap Oppożizzjoni, imma għal dawk in-nies kollha ta' rieda tajba li ma jifilħux iktar għar-rgħiba bla kontroll, ħmieġ u korruzzjoni li saru karatteristika ta' dan il-Gvern."

L-Avukati ta' Delia huma Jason Azzopardi u Edward Debono.

More in Qrati u Pulizija