Raġel ta' 55 sena ġie estradit lejn pajjiżu wara akkużi li ffroda lis-sieħba ta' 82 sena

Ir-raġel oriġinarjament kien il-carer tal-anzjana u r-raġel tagħha u daħal f'relazzjoni magħha wara li miet żewġha

Raġel ta’ 55 sena se jkun estradit lejn ir-Renju Unit biex jiffaċċja akkużi li ffroda lis-sieħba tiegħu ta’ 82 sena li preżentament jgħix magħha f’Għawdex.

Ir-raġel kien arrestat u tressaq il-Qorti fis-16 ta’ Marzu wara li kien ilu jiġi mfittex għal diversi ġimgħat sakemm kien ittraċċat f’Għawdex mix-Schengen Information System.

Dan l-allert kien ir-riżultat ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew li ħareġ f’Novembru li għadda.

Ir-raġel kien impjegat fir-Renju Unit bħala carer ta’ koppja anzjana Ingliża u daħal f’relazzjoni mal-anzjana wara l-mewt ta’ żewġha. Allegatament ir-raġel kiseb xi proprjetajiet u li nofshom ħalsithom l-arma.

Il-koppja niżlu jgħixu f’Għawdex fl-2016.

Fil-Qorti, l-avukati tal-akkużat qalu li l-Mandat ta’ Arrest kien ordnat wara każ “malizzjuż” miftuħ mit-tfal tal-anzjana.

Iżda l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ikkonkludiet li kellha biżżejjed raġunijiet għalfejn tordna l-estradizzjoni.

More in Qrati u Pulizija