Ħaddiema misjuba ħatja tal-mewt ta' pazjent li faga fl-ikel f'Karin Grech

Dan anke jekk il-Qorti nnutat li ż-żewġ persuni huma ddedikati ħafna fix-xogħol li huma jwettqu mal-pazjenti

Infermier u professjonista oħra li tgħin lill-infermiera u li t-tnejn li huma jaħdmu fl-isptar Karin Grech, ingħataw multa kull wieħed wara li nstabu ħatja li kienu responsabbli mill-mewt ta’ pazjent ta’ 64 sena li miet wara li xeraq fl-ikel.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti saħqet li huma fallew mid-dmirijiet tagħhom minkejja l-intenzjonijiet tajba tagħhom.

Iż-żewġ persuni fil-fatt instabu ħatja ta’ omiċidju involontarju, filwaqt li infermiera oħra nħellset mill-akkużi.

Fil-Qorti nstema’ kif l-akkużat kien ibati mid-dimensja u kien rikoverat f'Karin Grech wara li kienet tagħtu puplesija. Minħabba f'hekk, il-pazjent kellu jkun akkumpanjat waqt l-ikel.

Jidher li l-anzjan kien rikoverat fl-Isptar Karin Grech meta xeraq f’biċċa tiġieġa u nstab wiċċu mal-art fil-kamra tal-banju f'Marzu tal-2012.

Fil-Qorti nstema’ kif it-tiġieġ kien meqjus tajjeb għal pazjenti oħra bħall-vittma li ma setgħux jieklu sewwa, sakemm dan ikun mgħaffeġ tajjeb u l-pazjent ma jkunx waħdu meta jieklu.

Madanakollu, mart il-vittma, qalet fil-Qorti li kemm-il darba sabet lir-raġel tagħha jiekol waħdu mingħajr superviżjoni.

Skont tabib li kien tkellem mal-armla, il-pazjent instab 90 minuta wara li kien miet, anke jekk il-Qorti ddikjarat li skont l-evidenza mogħtija lilha, ir-raġel instab madwar 40 minuta wara li ngħata l-ikel f'nofsinhar.

L-infermier misjub ħati kien resposabbli minn dan il-pazjent u l-persuna l-oħra kienet tgħinu. Flimkien huma kellhom sitt pazjenti x’jieħdu ħsieb.

Jidher li dak il-ħin tal-inċident, in-nursing aide kienet qed titma pazjent ieħor f’kamra oħra.

L-identità tal-persuna li tat l-ikel lill-pazjent baqa’ qatt ma kien magħruf, xi ħaġa li l-Qorti ddeskriviet bħala inaċċettabbli għax skontha dan ifisser li l-pazjenti huma f’kuntatt ma’ persuni mhux identifikati mingħajr l-ebda kontroll jew restrizzjoni.

Madanakollu, kompliet il-Maġistrat, il-problema kienet mhux li l-pazjent ingħata l-ikel imma li ma kien hemm l-ebda superviżjoni mill-ħin li l-pazjent ingħata l-ikel sakemm dan ittiekel.

Il-Qorti saħqet li n-nursing aide naqset milli tipprevedi l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ superviżjoni minkejja li kienet taf li l-pazjent jista’ jpoġġi f’ħajtu f’periklu jekk jiekol waħdu.

Kompliet tgħid li l-infermier kien jaf li l-pazjent iħobb jiekol u kien jaf ukoll li minħabba l-puplesija li kienet tagħtu seta’ jifga huwa u jiekol. Il-fatt li l-pazjent kien ibati mid-dimensja kellu jżid l-obbligazzjoni tal-infermier li joqgħod attent u ma jħallix lill-pazjent waħdu fil-preżenza tal-ikel, kompliet tisħaq il-Qorti.

“Il-mewt tiegħu hija testment u riżultat tal-falliment tagħhom li jissorveljawh kif kienu obbligati li jagħmlu,” saħqet il-Maġistrat.

Il-Maġistrat tisħaq li ż-żewġ persuni huma dedikati ħafna fix-xogħol tagħhom

Anke jekk sabithom ħatja, il-Qorti nnutat ukoll li fil-ħin tal-inċident, l-infermier kien qed jieħu ħsieb infermier ieħor li kien għadu qed jitgħallem u li n-nursing aide kienet qed titma’ pazjent ieħor li kien aktar vulnerabbli mill-vittma.

Innutat ukoll li huma kienu ddedikati ħafna għall-pazjenti tagħhom tant li huwa evidenzjat li kienu jidħlu għax-xogħol qabel mitluba.

Madanakollu, il-Maġistrat insistiet li xejn ma jista’ jsewwi dak li għaddiet minnu l-familja tal-vittma.

“Iż-żewġ persuni ma għandhomx jitqiesu bħala theddida għas-soċjetà iżda bħala persuni li bil-vokazzjoni u d-dedikazzjoni tagħhom jagħmlu minn kollox biex jgħinu lil dawk il-bżonn,” qalet il-Maġistrat waqt li insitiet li ma hemmx lok li dawn jingħataw sentenza ta’ ħabs.

Kien għalhekk li huma ngħataw multa ta’ €7,000 għall-infermier u €4,000 għan-nursing aide, filwaqt li ntalbu jħallsu wkoll €1,644 biex ikopru l-ispejjeż tal-Qorti.

More in Qrati u Pulizija