Jiem qabel l-elezzjoni se jkun deċiż jekk Delia għandux jingħata kopja tal-inkjesta Egrant

l-Avukat Ġenerali Peter Grech saħaq li l-pubblikazzjoni sħiħa tal-inkjesta, wara li jiġu mgħottija ċertu dettalji, mhijiex għażla

Ħdax-il ġurnata biss qabel l-elezzjonijiet ta’ Mejju li ġej, l-Imħallef Robert Mangion se jkun qed jiddeċiedi dwar jekk il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia għandux jingħata kopja tar-rapport tal-inkjesta dwar Egrant.

Dalgħodu, fil-Qorti, saru l-aħħar sottomissjonijiet fil-każ miftuħ minn Adrian Delia stess kontra l-Avukat Ġenerali li rrifjuta li jagħtih kopja sħiħa tar-rapport tal-inkjesta Egrant.

Fis-sottomissjoni tiegħu, l-Avukat Ġenerali Peter Grech saħaq li l-pubblikazzjoni sħiħa tal-inkjesta, wara li jiġu mgħottija ċertu dettalji, mhijiex għażla.

Min-naħa tiegħu, l-Avukat Vince Galea, li qed jidher għal Delia, insista li l-Kap ta-Partit Nazzjonalista kellu dritt jiftaħ proċeduri Kostituzzjonali u dan biex iwieġeb lill-Avukat Ġenerali li insista li Delia seta’ ħa passi oħra qabel ma ħa l-kwistjoni quddiem l-ogħla Qorti.

Fakkar ukoll li minkejja li l-Avukat Ġenerali qed jinsisti li l-konklużjonijiet tar-rapport huma biżżejjed, xorta waħda għadda kopja sħiħa lill-Prim Ministru u mkien ma’ qal li anke l-Avukat Pawlu Lia, il-Ministru Owen Bonnici u l-Kelliem tal-Prim Ministru Kurt Farrugia ngħataw ir-rapport sħiħ.

“Hemm xi ħaġa x’taħbi? Għandek tgħid lill-Qorti dak kollu li taf u mhux tħalliha ssir taf biss bis-saħħa ta’ xhieda,” kompla jisħaq Galea.

Galea ssuġġerixxa li l-Avukat Ġenerali jneħħi l-ismijiet ta’ dawk li mhux direttament marbuta mal-każ u jippubblika r-rapport sħiħ.

Waqt li rrefera wkoll għall-kummenti tal-Avukat Ġenerali, meta qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma għandux rwol investigattiv u li l-inkjesta ma għandhiex tintuża għall-vantaġġ politiku ta’ Membri Parlamentari, staqsa għalfejn dan ma applikax ukoll għall-Prim Ministru u l-Ministru għall-Ġustizzja.

L-AĠ jwieġeb

Min-naħa tiegħu, l-Avukat Ġenerali saħaq li l-inkjesta kienet tinvolvi lill-Prim Ministru direttament u li ħadd ma ngħata r-rapport għar-raġunijiet politiċi.

Saħaq li d-deċiżjoni dwar jekk l-Avukat Ġenerali jagħtix kopja ta’ rapport jew le tinsab kollha kemm hi f’idejh u jekk ir-rapport jingħata ma jfissirx li l-persuna tkun tista’ tużah jew tiżvela dettalji minnu.

L-istess japplika jekk wieħed jiġi biex inaqqas partijiet mir-rapport. “Din mhux għażla għax xorta jibqgħu l-mistoqsijiet dwar il-partijiet mgħottija,” saħaq Peter Grech.

Filwaqt li fakkar li din kienet sitwazzjoni unika għall-pajjiż, insista li ma kien hemm l-ebda diskriminazzjoni involuta.

Kompla jgħid li d-delikatezza u l-importanza tal-inkjesta waslu għad-deċiżjoni li l-Prim Ministru jingħata kopja iżda saħaq li dan ma jfissirx li l-istess għandu japplika għal kulħadd jew li r-rapport ikun ippubblikat.

“Hemm kwistjonijiet serji ta’ privatezza u prosekuzzjoni li ma għandhom qatt jinqabżu,” kompla l-Avukat Ġenerali.

Il-każ ikompli fl-14 ta’ Mejju fejn dakinhar se tkun qed tittieħed deċiżjoni.

Aqra aktar dwar dak li ħareġ tul dan il-każ:

More in Qrati u Pulizija