Żewġt aħwa akkużati li taw in-nar lill-vettura ta' ħuhom wara argument

Fil-Qorti nstema' kif dan ma kienx l-ewwel argument bejniethom

Ritratt | Mill-Arkivji
Ritratt | Mill-Arkivji

Argument bejn tliet aħwa wassal biex allegatament karozza ta’ wieħed mill-aħwa ngħatat in-nar.

Żewġt aħwa ta’ 34 u 39 sena, li t-tnejn li huma ma għandhomx xogħol, tressqu quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri akkużati li taw in-nar lill-karozza ta’ ħuhom.

Huma kienu akkużati wkoll li kkawżaw biża’ lil ħuhom, bl-akkużat ta’ 34 sena ikun akkużat ukoll li sar reċidiv.

L-avukati Franco Debono u Martin Fenech, iddefendew liż-żewġ akkużati li qed iwieġbu mhux ħatja u talbu wkoll għall-ħelsien mill-arrest.

L-avukati saħqu li dan kien akkużat bejn qraba u li ma għadhomx joqogħdu flimkien hekk kif wieħed mill-akkużati jieħu ħsieb lil ommu ta’ 73 sena u l-ieħor jgħix għal rasu.

Madanakollu, l-Ispettur Trevor Micallef, li qed imexxi l-prosekuzzjoni saħaq li l-allegat vittma għadu ma tax ix-xhieda tiegħu u ġaladarba dan ma kienx l-ewwel argument bejniethom oġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Maġistrat, min-naħa tiegħu, innota li l-akkużati kellhom xin jgħidu bejniethom ukoll fil-passat u għalhekk, wara li ra n-natura tal-każ, iddeċieda li dawn għandhom jinżammu arrestati.

More in Qrati u Pulizija