Tigdeb li qabdulha l-appartament fl-Imsida ... kienet raqdet b'sigarett f'idha

Il-mara tressqet il-Qorti akkużata li għamlet rapport falz lill-Pulizija

Mara li ġarrbet ħruq f’wiċċha wara li raqdet fis-sakra meta kellha sigarett imqabbad f’idha, tressqet il-Qorti akkużata li għamlet rapport falz lill-Pulizija.

Il-mara, li għandha 34 sena mill-Ungerija, tressqet quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja akkużata li tat informazzjoni falza lill-pulizija dwar reat li mhux vera seħħ.

Il-każ seħħ fil-21 ta’ Jannar meta l-mara ddaħlet l-isptar wara li nirien ħakmu l-appartament tagħha fl-Imsida.

Għalkemm il-prosekuzzjoni u d-difiża talbu li jitkellmu mal-Maġistrat fil-privat, sorsi li tkellmu ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet qalu li l-mara kienet qalet lill-pulizija li qed tissuspetta li xi ħadd qabbad apposta l-appartament tagħha.

Madanakollu, aktar tard ammettiet li raqdet b’sigarett imqabbaf f’idha wara li xorbot xarba tajba.

Hija wieġbet ħatja tal-akkużi.

Hija ngħatat il-libertà kkundizzjonata waqt li ġiet imwissija biex ma twettaqx reat ieħor fi żmien sitt xhur.

Intalbet ukoll tħallas l-ispejjeż tal-Qorti u tal-esperti hekk kif wara l-akkuża li għamlet, il-Pulizija talbu lill-Qorti biex tiftaħ inkjesta maġisterjali.

More in Qrati u Pulizija