Ikkonfermata s-sentenza ta' ħabs għal Maximilian Ciantar

Huwa kien instab ħati li daħal biex jisraq f'razzett f'Ħad-Dingli fejn inqabad fil-fatt

Maximilian Ciantar, li kien arrestat wara li pprova jisraq koppja f’Ħad-Dingli tliet snin ilu, kellu s-sentenza ta’ disa’ xhur ħabs ikkonfermata mill-Qorti tal-appell.

Ciantar, li kien ingħata wkoll sentenza ta’ sentejn ħabs wara li kien tajjar żewġt ibniet ta’ 10 snin fl-2011, kien wieħed minn dawk li daħal f’razzett f’Ħad-Dingli f’Ħadd il-Għid bil-għan li jisirqu.

L-akkużat kien ma’ żagħżugħ ieħor ta’ 19-il sena u daħlu fir-razzett mgħammda u armati b’sikkina li biha heddew lill-koppja.

Is-serqa kienet ġiet sfrattata meta l-Pulizija laħqu wasslu fuq il-post.

Il-Qorti tal-Maġistrati kienet sabet lil Ciantar ħati f’Novembru tal-2017 u kienet tagħtu sentenza ta’ disa’ xhur ħabs, bl-avukati tiegħu jappellaw għax saħqu li huwa nstab ħati biss fuq il-fatt li hu kien identifikat mill-koppja li kienet influwenzata mill-Pulizija.

Iżda l-Qorti fid-deċiżjoni tagħha saħqet li filwaqt li l-identifikazzjoni tas-suspettati għandha dejjem tkun analizzata b’reqqa, dakinhar tas-serqa Ciantar kien instab mill-Pulizija fir-razzett u kien hemmhekk sempliċiment biex jisraq.

Anke jekk huwa qal li kien qiegħed jakkumpanja lil sieħbu mingħajr ma jaf x’se jiġri, il-Qorti qalet li Ciantar kompla miegħu u mexa mal-pjan.

Osservat ukoll kif kien Ciantar stess li ddeskriva l-inċident mal-Pulizija bħala: “avventura stupida li mhux se tirrepeti ruħha.”

Iżda din id-dikjarazzjoni kienet qed tkun missielta mill-avukati għax intużat mill-Qorti tal-Maġistrati meta Ciantar ma kienx akkumpanjat minn avuklat meta lissinha.

Wara li ħadet inkonsiderazzjoni deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Imħallef Edwina Grima nnutat li Ciantar kien ikkonsulta mal-avukat tiegħu qabel l-interrogazzjoni u kien assistit ukoll tul il-proċeduri fil-Qorti.

Kompliet tfakkar li dakinhar tal-attentat tas-serqa, Ciantar kellu 26 sena u fis-snin ta’ qabel kien instab ħati bi 11 il-darba oħra mill-Qorti fuq reati separati.

Temmet tisħaq li dak li qal Ciantar u x-xhieda tal-vittmi, flimkien jikkonfermaw il-ħtija tal-akkużat u għalhekk ċaħdet l-appell. 

More in Qrati u Pulizija