Disinjatur jgħid li t-trakka ta' Paqpaqli ma kinitx iddisinjata għall-karozza ta' Bailey

L-istess persuna qal li Bailey, dakinhar tal-inċident, kien qed isuq b’veloċità akbar minn meta saru l-provi

Wieħed mid-disinjaturi tat-trakka li ntużat fl-attività Paqpaqli għall-Istrina tal-2015 qal lill-Qorti li ma kinux jafu fejn se jpoġġu lill-pubbliku u li t-trakka kienet iddisinjata għal Porsche 911 GT3 u mhux għal Spyder supercar.

Għadd ta’ persuni weġġgħu serjament meta Porsche Spyder, misjuqa minn Paul Bailey, daħlet fil-barrieri u spiċċat fuq in-nies li kienu qed isegwu l-attività.

Il-vittmi qed ifittxu għad-danni kemm lil Paul Bailey u anke lill-kumitat organizzattiv.

Frederick Dineuff li jaħdem għall-kumpanija Ġermaniża Sport Driving GmbH qal li meta wasal Malta u urewh id-disinn tat-trakka kien aġġorna xi affarijiet, fosthom biex iżid il-miżuri tas-sigurtà waqt li insista li ma kienx hu responsabbli mill-barrieri madwar it-trakka.

L-Avukat tad-Difiża, Giannella de Marco, staqsietu jekk ġibidx l-attenzjoni għall-fatt li t-trakka ma kinitx iddisinjata għall-vettura li kien qiegħed isuq Bailey iżda hu qal li ma jiftakarx.

Dineuff akkuża lil Bailey li dakinhar tal-inċident kien qed isuq b’veloċità akbar minn meta hu stess saq il-vettura biex jipprova t-trakka.

L-avukat Stephen Tonna Lowell tefa wkoll dubji fuq ix-xhieda tad-disinjatur tat-trakka għax fi kliemu dan mhux espert fis-suġġett u lanqas ma huwa kkwalifikat.

Tonna Lowell u De Marco, li qed jassistu lil Bailey saħqu wkoll li l-klijent tagħhom intalab jixhed aktar minn darba fl-inkjesta maġisterjali, anke meta kien għadu qed jirċievi trattamenti għall-ġrieħi li ġarrab wara l-inċident.

Huma saħqu li ġaladarba x-xhieda tiegħu ngħatat mingħajr ma kellu avukat miegħu, din ma għandhiex tintuża mill-Qorti. Talbu wkoll li jkun hemm separazzjoni fil-proċeduri hekk kif skonthom "id-difiża hija loġikament differenti minn dik tal-akkużati l-oħra."

Il-Maġistrat Aaron Bugeja ta xahar ċans lill-avukati biex jirribattu dawn l-argumenti bil-miktub biex il-Qorti tkun tista’ tieħu deċiżjoni.

Il-każ ikompli f’Mejju.

Aqra wkoll:

More in Qrati u Pulizija