Maġistrat jgħid lill-Pulizija biex itellgħu l-Qorti lil sid il-kelb li gidem xoffa ta' mara

Raġel kien daħal bil-kelb f'ħanut u l-kelb kien gidem impjegata li niżlet viċin tiegħu biex tbusu

Il-Qorti qalet li hemm biżżejjed bażi legali biex il-Pulizija tressaq il-Qorti lil sid pitbull terrier li gidem ix-xoffa ta’ mara u dan minkejja li kien marbut biċ-ċinga.

Lindsey Vella, it-tfajla li spiċċat bil-punti b’xufftejha, kienet fetħet proċeduri kontra l-Kummissarju tal-Pulizija wara li l-Pulizija kienu infurmawha li ma jistgħux jieħdu passi kontra sid il-kelb.

Meta s-sid kien daħal bil-kelb fil-ħanut fejn taħdem il-mara, kien qalilha li hu fidil tant li hi tagħtu jdejha. Saħansitra tagħtu x’jiekol u niżlet biex tbusu meta l-kelb ħatfilha x-xoffa.

L-Avukat tal-mara, Stefano Filletti, kien talab lill-Pulizija biex tressaq lis-sid il-Qorti, għax ma ħax il-prekawzjonijiet kollha, ġaladarba l-kelb kien perikoluż.

Iżda, il-Pulizija infurmawh li ma jistgħux jagħmlu dan għax il-kelb kien taħt kontroll u wieġbu li l-mara poġġiet lilha nnifisha fil-periklu meta niżlet viċin kelb li ma kinitx familjari miegħu.

Madanakollu, l-Avukat kien baqa’ jinsisti li ċinga mhux biżżejjed meta wieħed joħroġ idur b’pitbull, għax fi kliemu din ir-razza ta’ klieb hija perikoluża waqt li insista li s-sid huwa solament responsabbli mill-azzjonijiet tal-kelb tiegħu u kellu jgħid lil mara biex toqgħod attenta.

Huwa qal lill-Maġistrat Aaron Bugeja li l-mara kellha biċċa mix-xoffa mqaċċta, bil-marka tibqa’ viżibbli anke wara intervent mediku li għamlet. Il-vittma ġarrbet 5% diżabilita permanenti.

Min-naħa tiegħu, il-Maġistrat saħaq li l-liġi timponi obbligu fuq is-sidien tal-klieb, li jafu li l-kelb tagħhom jista’ jkun perikoluż, biex jassiguraw li dan jitlibbes maskla fil-pubbliku.

Kien għalhekk li l-Qorti saħqet li hemm biżżejjed bażi legali biex is-sid tal-kelb jitressaq il-Qorti.

More in Qrati u Pulizija