Ġlieda f'Ħaż-Żabbar bejn żewġ żgħażagħ li kellhom tifel mill-istess tfajla

L-omm sofriet ġieħi gravi biż-żewġ żgħażagħ jitressqu l-Qorti dalgħodu

Argument bejn koppja fuq tifel ta’ sentejn wassal għal ġlieda, ilbieraħ waranofsinhar, bejn diversi persuni f’Ħaż-Żabbar.

Żagħżugħ ta’ 23 sena, li huwa l-eks sieħeb tal-omm u żagħżugħ ieħor ta’ 20 sena, li wkoll kellu tifel mill-istess tfajla, tressqu l-Qorti dalgħodu.

Jidher li l-argument beda meta l-omm ta’ 25 sena, akkumpanjata mit-tifel li kellha maż-żagħżugħ ta' 20 sena, marret id-dar tal-eks sieħeb tagħha biex tieħu lit-tifel li kellha maż-żagħżugħ ta' 23 sena.

L-Avukat tal-omm, Albert Zerafa, spjega kif minkejja dirgiet tal-Qorti dwar l-aċċess għat-tifel, il-missier ta’ 23 sena qiegħed allegatament ibiddel kull darba l-post minn fejn l-omm kellha tiġbor it-tifel, fejn ġieli talab lil omm biex tmur Marsaxlokk u drabi oħra San Pawl il-Baħar.

Jidher li meta l-omm marret tiġbor lit-tifel, inqala’ argument jaħraq fejn l-omm saħansitra ġarrbet ġrieħi gravi.

‘Il-klijenta tiegħi mhux qiegħda hawn illum għax bħalissa qed tagħmel operazzjoni,” qal Zerafa waqt li insista li dak tal-bieraħ ma kienx l-ewwel argument.

Ir-raġel wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, bl-avukati tiegħu jisħqu li l-akkużat jissodisfa r-rekwiżiti kollha biex jingħata l-ħelsien mill-arrest. Huma spjegaw kif kien intlaħaq qbil li t-tifel jgħix mal-missier iżda l-ftehim waqa’ fl-aħħar minuta minħabba indħil ta’ terza persuna.

Minħabba l-fatt li fadal min jixhed u anke minħabba li din ma kinitx l-ewwel ġlieda li l-akkużat kien involut fiha, il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Intant, iż-żagħżugħ ta’ 20 sena jidher li mar jiġri fuq il-post meta ċemplitlu l-vittma tispjegalu x’ġara. Malli wasal hemm, huwa allegatament sab lit-tifel tiegħu imwerwer.

Hu mifhum li dan iż-żagħżugħ mar fuq il-post ma’ missier l-omm meta ħabb għaż-żagħżugħ l-ieħor. Huwa wieġeb mhux ħati li hedded uffiċjali tal-Pulizija, li rrifjuta li jobdi l-ordinijiet tagħhom u li sar reċidiv.

Minħabba l-fatt li ma kien hemm ħadd min jixhed kontra dan l-akkużat, il-Qorti tatu l-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €20,000 u kien ordnat ukoll jiffirma kuljum fl-għassa.

More in Qrati u Pulizija