David Thake jitlef libell wara li qara ittra malafamanti kontra uffiċjal tal-Pulizija

Il-Maġistrat Francesco Depasquale qal li dan il-każ jirrifletti s-sitwazzjoni kerha li fi kliemu jinsab fih ix-xandir lokali

Il-preżentatur u l-eks kandidat tal-Partit Nazzjonalista David Thake tilef libell kontra l-eks għalliem tal-isparar fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, Patrick Cassar u dan wara li qara fuq ir-radju ittra malafamanti, li rċieva mingħand wieħed mis-semmiegħa.

Din l-ittra kellha paragrafu sħiħ dwar Cassar u li min kitibha, li ismu baqa’ qatt ma sar magħruf, jikteb li dan l-uffiċjal tal-Pulizija ma jaf xejn u jitgħallem dak li jgħallem minn filmati fuq YouTube.

“Dan il-persuna huwa inkompetenti u ngħata glorja mis-Supretendent Nezren Grixti sempliċiment għal hu Laburist,” kienet tgħid l-ittra.

Iżda rriżulta li Cassar kien attenda numru ta’ korsijiet, fosthom uħud organizzati mill-FBI fl-Istati Uniti. Apparti minn hekk, it-taħriġ li ta lill-Pulizija u lill-uffiċjali tas-Sigurtà qabel iċ-Chogm tal-2015, kien imfaħħar ħafna minn uffiċjali Kanadiżi u Franċiżi.

Min-naħa tiegħu, Thake kien qal lill-Qorti li ma kienx jiftakar x’intqal waqt il-programm iżda wara qal li hu ma jista’ jiċċensura lill-ebda semmiegħ li jċempel lill-istazzjon.

Karl Gouder, bħala editur ta’ Radio 101, fejn Thake kien jippreżenta, kien qal li l-istazzjon ma jindaħalx lill-preżentaturi u kemm jista’ jkun jitħallew liberi biex jesprimu lilhom infushom.

Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Maġistrat Francesco Depasquale ma darx mal-lewża u saħaq li dan il-każ jirrifletti s-sitwazzjoni li jinsab fiha x-xandir lokali, li fi kliemu qed jintuża biex iżid il-firda u l-għira u mhux biex jinforma u jeduka.

Huwa saħaq li xandiriet li l-intenzjoni tagħhom hija biss li tweġġa’ u tagħmel ħsara lil persuni partikolari ma jistgħux jinħbew wara l-libertà tal-espressjoni.

Thake kien ordnat iħallas €3000 lil Cassar.

More in Qrati u Pulizija