Xhieda jirrakkuntaw il-ġlieda bil-ponn, bis-sieq u b'puncher fi skola f'Pembroke

Żewġt irġiel qed ikunu akkużati li weġġgħu student ta' 15-il sena u żewġ għalliem; L-istudent ta' 15-il sena jista' jiffaċċja akkużi wkoll

L-iskola f'Pembroke fejn seħħet il-ġlieda
L-iskola f'Pembroke fejn seħħet il-ġlieda

Diversi xhieda rrakkuntaw il-ġlieda li seħħet fi skola sekondarja f’Pembroke ftit tal-jiem ilu, bejn familja ta’ student żgħir u żagħżugħ student ta’ 15-il sena. Fil-ġlieda weġġgħu ukoll żewġ għalliema.

Iż-żewġt irġiel li qed ikunu akkużati li weġġgħu liż-żagħżugħ u lill-għalliema, wieħed minnhom uffiċjal tal-Forzi Armati ta’ Malta, qed iwieġbu mhux ħatja u dalgħodu ngħataw il-ħelsien mill-arrest.

Jidher li l-ġlieda bdiet fuq flixkun ice tea, biż-żagħżugħ ta’ 15-il sena, ta’ nazzjonalità barranija, allegatament jagħti daqqa ta’ ponn lit-tifel iż-żgħir li waqa’ u ħabat rasu.

Dan iż-żagħżugħ kellu jixhed illum, iżda informa lill-Qorti li kien għadu ma kellimx lill-avukat tiegħu, bil-Maġistrat Ian Farrugia jwissih biex ma jaħlix ħin, anke għax hemm ċans li anke hu jitressaq il-Qorti akkużat li attakka lit-tifel.

Aġent kap tal-iskola spjegat kif anke hi weġġgħet meta l-iskola waslu l-familjari tat-tifel. Irrakkuntat kif wieħed mill-irġiel saħansitra għolliha mill-art, waddabha u ġarrbet xi ksur u ħabtet rasha.

Xehed ukoll Learning Support Educator, li spjega kif sema’ għajjat u sab lill-uffiċjal tal-iskola mal-art. Qal li l-għajjat kien ġej mill-uffiċċju tas-segretarja tal-iskola.

Kien hawn li rrakonta li wieħed mill-irġiel kellu f’idejh puncher u tah daqqa biha f’rasu qabel ma ħaduhielu minn idu.

Mistoqsi jekk jiftakarx x’kien qiegħed jintqal, ix-xhud wieġeb fin-negattiv waqt li spjega lit-tabib qallu li jista’ jkun sofra minn concussion ħafifa.

Xehed aġent kap ieħor tal-iskola li ċempel lil omm iż-żagħżugħ ta’ 15-il sena u talabha biex tmur l-iskola għax kellhom bżonn ikellmuha dwar l-inċident.

Bżajt li kien se joqtlu b’dik il-puncher Is-segretarja tal-iskola

Spjega kif sakemm qed jistennew, ġew il-qraba tal-istudent iż-żgħir u bdew jistaqsu lit-tifel min kien tah id-daqqa. “Bdejt inressaqhom lura biex nikkalma s-sitwazzjoni,” qal ix-xhud waqt li spjega, kif ippruvaw jidħlu għall-istudent ta’ 15-il sena li fi kliemu, ma tantx deher qed jibża’.

Iżda l-isforzi tiegħu kienu kollha għalxejn, hekk kif skont dan l-uffiċjal tal-iskola, wieħed mill-irġiel qabad liż-żagħżugħ minn għonqu (headlock) u tefgħu mal-art.

Meta beda jiġi mistoqsi dwar jekk iż-żagħżugħ ta’ 15-il sena kienx vjolenti u kienx qed jistieden lill-irġiel għall-ġlied, l-uffiċjal qal biss li rah jinża l-ġakketta.

Madanakollu huwa qal li dan iż-żagħżugħ qatt ma kellu każijiet oħra ta’ vjolenza.

Dwar l-istess ċirkostanzi xehdet ukoll is-segretarja tal-iskola li spjegat kif waqt li qed iċċempel lill-Pulizija, rat lill-irġiel jattakkaw lill-istudent u jagħtuh bis-sieq u anke rat lil wieħed mill-irġiel jieħu l-puncher tagħha minn fuq l-iskrivanija u lill-aġent kap tal-iskola mal-art.

“Bżajt li kien se joqtlu b’dik il-puncher,” kompliet tgħid.

Il-Maġistrat, fi tmiem is-seduta, ordna lill-irġiel biex ma jersqx lejn ħadd mix-xhieda, aktar u aktar lejn iż-żagħżugħ.

“Diġà għamiltu barbuljata. Tkomplux tkabruha,” temm jgħidilhom.

More in Qrati u Pulizija