Se jiġi ddeportat wara li nqabad jisraq biex jitma lit-tfajla tiegħu li hi tqila

Ir-raġel inqabad jisraq minn supermarket u rriżulta li kien ilu sentejn jgħix Malta illegalment

Raġel mis-Serbja se jkun iddeportat lejn pajjiżu wara li pprova jisraq minn supermarket fil-Mellieħa biex, fi kliemu, jiekol hu u t-tfajla tiegħu li qed tistenna tarbija.

Ir-raġel, li għandu 33 sena u residenti l-Mellieħa, tressaq quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras akkużat li pprova jisraq. L-Ispettur Godwin Scerri qal li r-raġel twaqqaf meta nqabad ħiereġ mis-supermarket b’għadd ta’ affarijiet li kienu jiswew €267.  

L-akkużat qal lill-Pulizija li pprova jisraq għax ma għandux xogħol, spiċċawlu flus u kellu bżonn jiekol u jitma wkoll lit-tfajla tiegħu li hi tqila.

Ir-raġel, li ilu sentejn jgħix illegalment f’Malta, wieġeb ħati.

Il-Qorti wissiet lill-akkużat li jista’ jeħel sa tliet xhur ħabs, bil-prosekuzzjoni żżid li se jkun iddeportat mill-ewwel, iżda hu baqa’ jwieġeb ħati.

Il-prosekuzzjoni qalet ukoll li r-raġel irritorna l-affarijiet kollha u kkopera mal-pulizija.

Huwa ngħata sentenza ta’ xahar ħabs, sospiża għal sena.

More in Qrati u Pulizija