Avukati jistaqsu jekk Manuel Delia hux vera għandu interess dirett fil-'mafkar' ta' Daphne

Huma qed jisħqu li fil-Qorti ħareġ ċar li kienu terzi persuni li kienu qed ipoġġu l-fjuri u x-xemgħat u mhux hu 

Il-Proċeduri Kostituzzjonali li fetaħ l-attivist u l-blogger Manuel Delia, kontra l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici, wara t-tneħħija kontinwa tal-fjuri u x-xemgħat minn fuq il-Monument tal-Assedju l-Kbira, ħadu xejra oħra wara li l-avukati ta’ Bonnici qed jistaqsu jekk Delia għandux interess fil-Monument.

Huma qed jargumentaw li mix-xhieda li ngħatat ħareġ aktar minn darba li l-fjuri u x-xemgħat tpoġġew minn persuni terzi u mhux minn Manuel Delia.

Madanakollu, Manuel Delia qed jisħaq li t-tneħħija tal-fjuri u x-xemgħat għal Daphne Caruana Galizia qed tiksirlu d-dritt fundamentali tal-espressjoni.

Fost oħrajn, l-avukati għamlu referenza għax-xhieda ta’ Karol Aquilina li spjega kif kemm-il darba xtara xemgħat biex jitpoġġew fuq il-Monument bħala sinjal ta’ protesta. L-istess qalet l-attivista Ann DeMarco li fil-Qorti saħansitra qalet li għamlet żmien tmur kuljum, ma’ attivisti oħra, biex jorganizzaw l-affarijiet li kienu jitħallew hemm.

L-avukati qed jisħqu li Delia ma jiffurmax parti minn dan il-grupp u kien hawn li staqsew jekk Manuel Delia hux vera għandu interess dirett f’dan il-każ.

Il-każ se jkompli fis-17 ta’ Frar.

More in Qrati u Pulizija