Ikkonfermata sentenza ta' għomor il-ħabs għal raġel li qatel u ħeba l-ġisem

Il-każ seħħ fl-2010 ftit passi 'il bogħod miċ-Ċentru Miftuħ ta' Ħal Far

Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat is-sentenza ta’ għomor ħabs mogħtija lil raġel ta’ 41 sena li kien instab ħati ta’ omiċidju li seħħ fl-2010.

Il-każ kien seħħ f’Ħal Far, bl-akkużat jinstab ħati wkoll li ħeba l-ġisem tal-vittma u seraqlu l-mowbajl.

Il-ġisem tal-vittma, li kellu 30 sena u li kien mill-Mali, kien instab midfun viċin iċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far. Sikkina, bl-inizjali “F K” kienet instabet ftit passi ‘l bogħod.

Il-Prosekuzzjoni kienet saħqet li l-vittma kien qala’ diversi daqqiet ta’ sikkina, u kellu wkoll ġrieħi gravi f’rasu.

Id-Difiża kienet appellat mis-sentenza bl-avukati jisħqu li l-ġuri ma kienx wieħed ġust, anke għax il-mowbajl u evidenza oħra ntużaw wara l-arrest tar-raġel. Saħqu li mill-istess mowbajl kienet irreġistrata telefonata, tlett ijiem wara l-omiċidju.

Iżda fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti tal-Appell saħqet li d-Difiża qatt qabel ma qajmet dubji dwar l-evidenza u saħqet li mill-investigazzjoni li saret ma rriżultat l-ebda irregolarità.

L-akkużat se jkun qed jiskonta sentenza ta’ 30 sena ħabs qabel qabel ma jkun jista’ jitlob għall-parole.

More in Qrati u Pulizija