Akkużat ukoll b'serqa minn ġojjellerija wara li kien daħal f'żona ristretta tal-Ajruport

Iż-żagħżugħ li għandu 27 sena tressaq il-Qorti dalgħodu wara li minn analiżi tad-DNA il-Pulizija waslet għall-identifikazzjoni tiegħu

Il-Pulizija ressqet il-Qorti żagħżugħ Albaniż b’rabta mas-serqa li seħħet fl-2017 minn stabbiliment ta’ Diamonds International.

Dan iż-żagħżugħ diġà qed jinżamm arrestat fuq reat ieħor li wettaq meta kien akkużat li daħal f’żona ristretta tal-ajruport waqt li kien qed iġorr arma tan-nar.

Iż-żagħżugħ li għandu 27 sena tressaq il-Qorti dalgħodu wara li minn analiżi tad-DNA il-Pulizija waslet għall-identifikazzjoni tiegħu.

Huwa jiġu ħu r-raġel li diġà qed ikun akkużat bl-istess serqa.

Is-serqa minn Diamonds International kienet tammonta għal madwar €333,000, b’wieħed mill-ħallelin kien saħansitra pprova jispara lejn Pulizija iżda l-arma ma ħadmitx.

Waqt botta u risposta bejn l-Avukat Franco Debono u l-Prosekuzzjoni, l-Ispettur James Grech saħaq li l-akkużat ġie arrestat u tressaq sena wara minħabba l-fatt li qabel kien moħbi. Il-Qorti insistiet li l-Prosekuzzjoni kienet korretta meta arrestat liż-żagħżugħ.

L-akkużat wieġeb mhux ħati u se jkun qed jinżamm arrestat.

 

More in Qrati u Pulizija