450 siegħa xogħol fil-komunità wara li tajjar u qatel żagħżugħ f'San Ġiljan

Fid-deċiżjoni tagħha l-Maġistrat innutat mhux biss il-kundizzjoni tat-temp u tat-triq iżda anke n-negliġenza tal-vittma u l-fatt li dan kien taħt l-effett tal-alkoħol u d-droga

Sewwieq tpoġġa taħt ordni ta’ probation li matulha kien ordnat jagħmel 450 siegħa ta’ xogħol fil-komunità u dan wara li wieġeb ħati li b’sewqan perikoluż qatel żagħżugħ ta’ 20 sena li kien qed jaqsam it-triq f’San Ġiljan.

Il-każ seħħ fis-16 ta’ Diċembru fi Triq Sant’ Andrija.

Iż-żagħżugħ ta’ 24 sena mil-Latvja kien akkużat b’sewqan perikoluż u traskurat, li kkawża l-mewt taż-żagħżugħ l-ieħor u li naqas milli jieqaf wara l-inċident.

L-akkużat mill-ewwel kien wieġeb ħati u fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti nnutat ukoll li l-familja tal-vittma ma kinux qed jitolbu li jingħata sentenza ħabs.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ħadet ukoll inkonsiderazzjoni n-nuqqas ta’ dawl fit-triq, il-pożizzjoni tas-siġar u anke t-temp matul dawk il-lejl, kif ukoll il-fatt li l-vittma qasam 9 metri biss ‘il bogħid minn zebra crossing, kien liebes l-iswed u kien taħt l-effett tad-droga u l-kannabis.

Il-Maġistrat saħqet li filwaqt li dawn il-fatturi ma jnaqqsux mill-ħtija tal-akkużat, ma jistgħux ma jittiħdux inkonsiderazzjoni waqt li insistiet li l-vittma seta’ għadu ħaj kieku l-akkużat kien prudenti u attent waqt is-sewqan.

Kien għalhekk li ordnatlu jagħmel 450 siegħa xogħol fil-komunità. Huwa tpoġġa wkoll taħt kura psikjatrika għal sentejn, kellu s-sentenza sospiża għal sentejn u ntalab iħallas għall-ispejjeż tal-każ.

More in Qrati u Pulizija