Sentenza oħra ta' ħabs għal Maximillian Ciantar misjub ħati mill-ġdid ta' hit and run

Fl-2014 Ciantar ħabat u tajjar mara u baqa' sejjer l-istess kif għamel fl-2010 meta tajjar żewġt ibniet ta' 11-il sena

Iż-żagħżugħ Maximilian Ciantar ingħata sentenza ta’ disa’ xhur ħabs wara li nstab ħati mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li f’Lulju tal-2014 kien ħabat, tajjar mara u baqa’ sejjer.

Iżda dan ma kienx l-ewwel każ ta’ Ciantar, hekk kif fl-2010 kien instab ħati li tajjar żewġt ibniet ta’ 11-il sena waqt li kienu qed jaqsmu minn fuq zebra crossing. Dakinhar, Ciantar kien baqa’ sejjer, b'waħda mit-tfal tagħmel jien fil-periklu tal-mewt.

Minn dakinhar huwa ttella’ l-Qorti diversi drabi. F’dan il-każ huwa kien qed jiffaċċja 14-il każ ta’ akkuża fosthom li kiser sentenza sospiża u li kiser ordni ta’ probation.

Għal darb’oħra, il-liċenzja tas-sewqan tiegħu ġiet sospiża għal sentejn.

Dan l-aħħar każ kien seħħ fi Triq Zerafa fil-Marsa meta Ciantar, li kien qed isuq il-karozza ta’ ommu, kien ħabat ma’ vettura misjuqa minn mara. Il-mara kienet ħarġet mill-karozza biex tkellmu iżda x-xhieda li kienu fuq post qal li Ciantar qalilha li jekk riedet kien lest jerġa’ jidħol fil-karozza tagħha, kif fil-fatt għamel.

Huwa kien akkużat ukoll li hedded lill-mara, li tajjarha u li ħarab minn fuq il-post.

Dwar il-każ kien sar rapport u Ciantar kien instab jistaħba fid-dar ta’ nanntu f’Ħal Qormi. Meta nstab, Ciantar kien ma jiflaħx u x'aktarx kien taħt l-effett tad-droga u kellu jiddaħħal l-Isptar.

Fl-2012, l-istess Ciantar kien instab fil-pussess tad-droga waqt li kien rikoverat l-Isptar. Sena qabel dan il-każ, kien ukoll ingħata sentenza ħabs wara li hedded lill-ġurnalisti fil-Qorti.

More in Qrati u Pulizija