Eks impjegat ta' bank jitressaq akkużat li seraq data importanti u kunfidenzjali

Fil-Qorti nstema' kif l-akkużat ipprova jibgħat din l-istess informazzjoni lil kompetitur tal-bank

Raġel li kien jaħdem ma’ bank u li qed ikun akkużat li seraq informazzjoni importanti u qasamha ma’ kompetitur tal-bank, ingħata l-ħelsien mill-arrest.

L-akkużat, li għandu 36 sena, qed ikun akkużat li għamel użu ħażin minn mezzi ta’ kommunikazzjoni u li kiser is-segretezza bankarja.

L-Ispettur Shaun Friggieri, li qed imexxi l-prosekuzzjoni, qal lill-Qorti li r-raġel seraq data kunfidenzjali mingħand il-bank li miegħu kien qed jaħdem u pprova jibgħatha lil kompetitur.

L-akkużat qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi, bil-prosekuzzjoni tgħid li r-raġel dejjem ikkopera fl-investigazzjoni.

Il-Prosekuzzjoni talbet li l-ismijiet ma jixxandrux anke għax il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjoni tagħha fuq partijiet terzi li setgħu wettqu reati aktar gravi.

Madanakollu, l-avukat tal-bank qal li huwa fl-interess pubbliku li jixxandar isem l-avukat, anke jekk l-isem tal-bank għandu jinżamm mistur.

Min-naħa tagħha, il-Qorti ddeċidiet li l-ismijiet ma jixxandrux.

Laqgħet ukoll it-talba għall-ħelsien mill-arrest, bl-akkużat jintalab iħallas €4,000 depożitu u €5,000 garanzija personali.

More in Qrati u Pulizija