17-il eks ħaddiem tat-Tarzna jieħdu €3,000 kull wieħed f'kumpens għax mardu bl-asbestos

Għalkemm ħadd minnhom ma kellu kanċer, dawn l-eks impjegati kollha jbatu minn qtugħ ta' nifs

17-il eks impjegat tat-Tarzna se jkunu qed jingħataw €3,000 bħala kumpens mingħand il-Gvern minħabba li għamlu żmien twil esposti għall-asbestos.

Hekk iddeċidiet il-Qorti dalgħodu wara li dawn l-eks impjegati, li wħud minnhom ma għadhomx ħajjin, kienu tellgħu l-Qorti lid-Direttur Ġenerali tas-Saħħa Pubblika, lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol u lill-Avukat Ġenerali, jisħqu li kienu esposti għal dan il-materjal perikoluż, mingħajr l-ebda protezzjoni.

Dan il-każ spiċċa quddiem l-ogħla Qorti, bl-Imħallef Anna Felice tintalab tiddikajra li meta l-awtoritajiet fallew milli jipprovdu sistema sigura fuq il-post tax-xogħol, dawn kienu qed jiksru d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, inkluż id-dritt tal-ħajja.

Id-Difiża saħqet li ma kienx hemm biżżejjed evidenza li l-asbestos kien l-uniku raġuni għall-problemi ta’ saħħa li kellhom dawn il-persuni.

Il-Qorti nnutat li ħadd minn dawn l-eks ħaddiema ma kellhom kanċer, iżda kellhom kundizzjonijiet oħra, inqas serji, inkluż qtugħ ta' nifs, liema kundizzjonijiet huma kkawżati bl-asbestos.

L-ewwel liġi li tipproġeti lill-ħaddiema minn dan il-materjal kienet introdotta fl-2003, iżda l-importazzjoni tiegħu twaqqfet fl-1980.

Fid-deċiżjoni tagħha, l-Imħallef saħqet li l-Gvern suppost kien ilu jaf mis-snin sebgħin bil-perikli kkawżati mill-asbestos u allura kellhom jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Qorti ordnat li dawn, jew il-familja tagħhom, jingħataw €3,000 kull wieħed f’kumpens.

More in Qrati u Pulizija