'Uffiċjal f'Kastilja nqabad bil-lejl ineħħi l-fjuri u x-xemgħat' - Karol Aquilina

Jgħid ukoll li l-Kap tad-Dipartiment tat-Tindif kien qallu li kellu ordnijiet diretti mill-Ministru Owen Bonnici

L-Avukat u d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal fil-Qorti li uffiċjal fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien inżamm mill-Pulizija wara li kienu qabduh ineħħi xemgħat u fjuri minn fuq il-Monument tal-Assedju l-Kbir.

Aquilina qal dan hekk kif kompla l-Każ Kostituzzjonali miftuħ mill-blogger Manuel Delia kontra l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici u d-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tat-Tindif, Ramon Deguara.

Aquilina qal li hu kien l-ewwel wieħed minn dawk li poġġa x-xemgħat u l-fjuri fuq il-Monument tal-Assedju.

Semma kif fl-20 ta’ Marzu tas-sena li għaddiet, mar jixtri x-xemgħat u poġġihom taħt il-Monument, quddiem ir-ritratt ta’ Daphne Caruana Galizia. Qal li l-għada mar u ma sab xejn u kien irrapporta lill-Pulizija.

Kompla jgħid kif bil-lejl ta’ bejn il-21 u t-22 ta’ Marzu, il-Pulizija kienu lemħu persuni jieħdu l-affarijiet u ġrew warajhom.

Qal li wieħed mill-irġiel li nżammu kien direttur ta’ kumpanija filwaqt li l-ieħor huwa uffiċjal f’Kastilja li xogħlu jorganizza attivitajiet tal-Gvern.

Skont Aquilina, wara dakinhar, il-Pulizija ma baqgħux isegwu dan il-każ.

'Qalli li qed jobdi ordnijiet tal-Ministru Bonnici'

Karol Aquilina għadda biex jispjega d-diversi d-drabi meta minn fuq il-Monument tneħħew strixxuni, fjuri u xemgħat.

Qal li Ramon Deguara kien ċempillu biex jgħidlu li kien hu li ordna li jitneħħew l-affarijiet u ordna wkoll lill-ħaddiema biex jirritornaw l-affarijiet lil Manuel Delia.

Kompla jgħid kif Delia reġa’ poġġa dawn l-affarijiet, iżda dawn reġgħu tneħħew.

Kien hawn li Karol Aquilina qal kif Deguara reġa’ ċempillu u qallu li hu kien qed jobdi ordnijiet tal-Ministru Owen Bonnici.

“Kont tkellimt ma’ Owen Bonnici u għidtlu li dan ma kienx aċċettabbli,” qal Aquilina waqt li saħaq li kien għamel rapporti oħra lill-Pulizija iżda qatt ma sar xejn.

Xehed ukoll il-ġurnalist ta’ Newsbook.com.mt, Christoph Schwaiger li rrakkonta inċident li seħħ fil-15 ta’ Settembru meta uffiċjal tal-Gvern kien qabadlu jdejh biex ma jkomplix jiffilmja lill-impjegati jneħħu l-istrixxuni, il-fjuri u x-xemgħat.

'Ħadd ma għażel dan il-Monument...kienet xi ħaġa spontanja'

Min-naħa tagħha, Anne Demarco, attivista ta’ Occupy Justice saħqet li hi u attivisti oħra, ipoġġu l-fjuri u x-xemgħat għax iħossu li għandhom jagħmlu xi ħaġa u ma jħallux kollox jintesa.

Mistoqsija mill-Imħallef għalfejn għażlu l-Monument tal-Assedju, l-attivista saħqet li ħadd ma ddeċieda. “Meta seħħ il-qtil, tfal tal-iskola poġġew il-fjuri hemm. Kienet xi ħaġa spontajna,” wieġbet l-attivista.

Hija ċaħdet li kienet imqabbda minn Manuel Delia u insistiet li dak li tagħmel tagħmlu għax hekk tħoss li għandha tagħmel.

“Delia mhuwiex parti minn Occupy Justice iżda huwa wieħed minn dawk li jaqbel mal-intenzjonijiet tagħna,” qalet Demarco.

Il-każ ikompli fis-7 ta’ Frar.

More in Qrati u Pulizija