Żagħżugħ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li stupra kollega

Iż-żagħżugħ qed ikun akkużat ukoll b'pussess ta' droga kokaina, akkużi li hu qed jiċħad

Żagħżugħ qed jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li stupra kollega tiegħu, li kien qed jagħtiha fastidju u anke b’pussess ta’ droga kokaina.

Iż-żagħżugħ, residenti Tas-Sliema iżda mill-Iżvezja, tressaq quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke akkużat li kellu x’jaqsam ma’ kollega tiegħu kontra r-rieda tagħha, akkuża li hu qiegħed jiċħad.

L-Avukati tad-Difiża, Alfred Abela u Arthur Azzopardi qalu lill-Qorti li l-akkużat irċieva għadd ta’ messaġġi fuq Facebook mill-allegata vitttma u kien għalhekk li talbu espert biex dawn jinżammu.

Id-Difiża talbet ukoll li jinġabru filmati ta’ CCTV minn żewġ bars, imsemmija mill-akkużat waqt l-interrogazzjoni tal-Pulizija.

Għat-talba għall-ħelsien mill-arrest, il-Prosekuzzjoini oġġezzjonat għax saħqet li l-akkużi huma serji u anke għax il-vittma kienet taħdem mal-akkużat u l-ħbieb tagħhom huma komuni.

Fakkret ukoll li l-vittma kien għad fadlilha tixhed.

Id-Difiża wieġbet billi saħqet li l-akkużi ma jistgħu qatt ikunu suffiċjenti biex persuna tinżamm arrestata waqt li fakkar li x-xhieda tal-vittma u anke ta’ xhud ieħor ingħatat u għalhekk l-evidenza tagħhom hija ppreservata.

Dwar il-biża’ tal-Prosekuzzjoni li l-akkużat jaħrab minn Malta, id-Difiża fakkret li l-passaport tal-akkużat jinsab għand il-Pulizija.

“L-akkużat jista’ jsib xogħol ieħor,” kompla l-Avukat.

Madanakollu l-Qorti ordnat li l-akkużat jinżamm arrestat.

More in Qrati u Pulizija