Jibda l-ġuri ta' żagħżugħ akkużat li kien ilu seba' snin jabbuża lil kuġintu

Illum il-vittma għandha 14-il sena u l-akkużat qed ikun akkużat li stupraha meta kellha 10 snin

Żagħżugħ ta’ 25 sena mill-Marsa beda jgħaddi ġuri wara li qed ikun akkużat li stupra lill-kuġina tiegħu li għandha 10 snin.

L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru għall-akkużat u saħqu li hu dejjem ċaħad li abbuża sesswalment lil kuġintu minn meta kellha seba' snin u li kien stupraha meta din kellha 10 snin.

Il-Prosekuzzjoni qalet lill-Qorti li f’Novembru tal-2017, l-iskola tat-tifla kkuntatjat lill-Pulizija biex tirrapporta li t-tifla, li llum għandha 14-il sena, kienet abbużata sesswalment, għal seba’ snin, minn kuġinuha.

Skont il-prosekuzzjoni, meta l-kuġina kellha 10 snin, l-akkużat saħansitra stupraha.

Għal bidu l-akkużat ma xtaqx avukat iżda biddel il-fehmtu meta infurmawh li akkużi ta’ stupru jistgħu jfissru bejn sitt snin  u 40 sena ħabs.

L-Ispettur Paula Ciantar qalet xehdet fil-Qorti u qalet li l-vittma ftit li xejn kienet taf dwar is-sesswalità u darba minnhom, l-akkużat resaq lejn il-vittma meta kienet fis-sodda ma’ żewġ kuġini oħra tewmin li kienu għadhom żgħar.

Kompliet tgħid li l-familja tal-vittma qatt ma semgħet jew rat xi ħaġa stramba u t-tifla kienet imbarazzata ħafna biex titkellem mal-ġenituri tagħha. Minflok it-tifla tkellmet ma’ sħabha tal-iskola.

Il-Prosekuzzjoni kompliet tgħid li l-akkużat qatt ma uża vjolenza fiżika fuq it-tifla.

Surġent tal-Pulizija spjega wkoll kif hi u l-Ispettur Ciantar, meta marru biex jarrestaw lill-akkużat, ma semmewx lit-tifla biex ma jinkwetawx lill-familja tiegħu iżda fil-karozza spjegawlu għalfejn qed jakkużawh.

Qalu li hu immedjatament ċaħad l-allegazzjonijiet. 

More in Qrati u Pulizija