L-aħwa Degiorgio lesti li jżommu fuqhom ċippa basta jingħataw il-ħelsien mill-arrest

Jisħqu li nkisrulhom id-drittijiet tagħhom meta baqgħu jinżammu arrestati u jitolbu kumpens għad-danni

L-aħwa Alfred u George Degiorgio, li qed ikunu akkużati, flimkien ma’ Vince Muscat, bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, talbu mill-ġdid li jingħataw il-ħelsien mill-arrest, anke jekk iżommu fuqhom ċippa elettronika biex il-Pulizija jkunu jafu fejn jinsabu.

Apparti minn hekk, Degiorgio qed jitolbu wkoll kumpens għax qed jisħqu li nkisrulhom id-drittijiet tagħhom meta baqgħu ma ngħatawx il-ħelsien.

L-irġiel ilhom arrestati minn Diċembru tal-2017. Il-ħelsien mill-arrest intalab diversi drabi iżda dejjem ġie rrifjutat.

Apparti l-akkużi dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia, l-aħwa qed ikunu akkużati wkoll b’ħasil ta’ flus. F’dan il-każ, huma kienu ngħataw il-ħelsien mill-arrest anke jekk huma baqgħu jinżammu arrestati għax qatt ma ngħataw il-ħelsien mill-arrest fil-każ dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fit-talba tagħhom quddiem l-Ewwel Awla tal-Qorti Ċivili, l-aħwa Degiorgio fakkru li huma kienu ngħataw il-ħelsien mill-arrest mill-Qorti tal-Maġistrati iżda dan kien ġie revokat wara appell tal-Avukat Ġenerali.

L-Avukat William Cuschieri, f’isem l-akkużati, saħaq li l-Qrati Kriminali ma jistgħu qatt jagħtu l-ħelsien mill-arrest lil dawn l-aħwa, hekk kif qrati differenti esprimew opinjonijiet diversi.

Fi kliemu, dan imur kontra l-prinċipji tal-Qrati Kostituzzjonali u Ewropej fejn jidħol il-ħelsien mill-arrest.

“L-istat Malti qed ifalli lil dawn l-irġiel meta jibqa’ ma jintroduċix sistema ta’ tteggjar elettroniku għall-persuni li jingħataw il-ħelsien mill-arrest,” saħaq Cuschieri.

Kompla jgħid li d-drittijiet ta’ dawn il-persuni qed ikompli jinkiser meta l-liġi tagħti l-fakultà lill-Avukat Ġenerali li jappella mid-deċiżjonijiet dwar ħelsien mill-arrest mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati, iżda l-persuna akkużata ma tistax.

Għalhekk, fl-applikazzjoni tagħhom, l-aħwa Degiorgio qed jitolbu lill-Qorti tiddikjara li nkisrulhom id-drittijiet tagħhom, tagħtihom il-ħelsien mill-arrest u anke jingħataw kumpens għad-danni li sofrew.

More in Qrati u Pulizija