Żagħżugħ jibda s-sena l-ġdida b'sentenza sospiża

Dan wara ġlieda f'Paceville fl-ewwel jum tas-sena li matulha l-akkużat imbotta raġel ieħor fuq bonnet ta' karozza u kkawżalha ħsara

Żagħżugħ ta’ 22 sena beda s-sena l-ġdida b’sentenza sospiża wara li nstab ħati li kkawża ġlieda f’Paceville fl-ewwel jum tas-sena.

Fil-Qorti nstema’ kif l-akkużat mid-Danimarka kellu xi jgħid ma’ raġel ieħor fi Triq Elija. L-akkużat imbotta lir-raġel, tefgħu fuq bonnet ta’ taxi u kkawża ħsara lill-vettura wkoll.

Huwa kien akkużat li kkawża ħsara fuq il-vettura, li kien fis-sakra fil-pubbliku u li ma kienx f’pożizzjoni li jikkontrolla lilu nnifsu u li anke uża forza fuq terzi persuni.

Kien akkużat ukoll li pprova jaħrab mill-kustodja tal-Pulizija.

L-Avukata tad-Difiża saħqet li l-akkużat kien ippanikjat meta pprova jaħrab u li kien lest iħallas għad-danni.

Huwa wieġeb ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih anke jekk il-Qorti infurmatu li jista’ jeħel il-ħabs.

Il-Prosekuzzjoni ma talbitx li l-akkużat jingħata sentenza ta’ ħabs effettiva imma talbet li jitpoġġa taħt forma ta' restrizzjoni u li jħallas għad-danni. 

Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras tatu sentenza ta’ sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn u multa ta’ €300. Huwa kien ordnat ukoll iħallas il-ħsara fi żmien xahrejn.

More in Qrati u Pulizija