Id-dwana b'qabda ta' 7.7 miljun sigarett fi triqithom lejn it-Tuneżija

 Il-kontejner, li kien qed iġorr 7,730,000 sigarett, oriġina mill-Port ta’ Rotterdan, fl-Olanda, u kien fi triqtu lejn it-Tuneżija

Wara ħidma koordinata bejn diversi Taqsimiet tad-Dwana, fosthom il-Container Monitoring Unit, l-Intellectual Property Rights Unit u l-iScanning Team, u li fiha sar użu wkoll mill-iscanner tad-Dipartiment, ġie interċettat kontejner mimli sigaretti tal-kuntrabandu kontrafatti. 

Is-sigaretti rriżulta li huma kollha kontrafatti wara li  rappreżentanti legali f’Malta ta’ kumpanija (right holder), li hija propjetarja ta’ diversi marki reġistrati (trademarks), inkluż f’Malta, ikkonfermaw l-illegalita’ ta’ din il-konsenja, u kkonfermaw ukoll li tali importazzjoni tikkontravjeni id-dritt tal-propjeta’ intellettwali. Il-kumpanija propjetarja tal-marka reġistrata ppreżentat rikors fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-kumpanija kontraventriċi f’dan il-każ.

 Il-kontejner, li kien qed iġorr 7,730,000 sigarett, oriġina mill-Port ta’ Rotterdan, fl-Olanda, u kien fi triqtu lejn it-Tuneżija.

Dawn is-7.73 miljun sigarett, magħduda mat-48.6 miljun sigarett tal-kuntrabandu li inqabdu aktar kmieni din is-sena, itellgħu l-figura ta’ sigaretti maqbuda din is-sena għal 56.33 miljun sigarett. Din hi figura rekord oħra għad-Dwana ta’ Malta.


 

More in Qrati u Pulizija