Jinfaqa' jibki wara li nżamm arrestat għax hedded lis-sieħba fuq it-telefown

Din ma kinitx l-ewwel darba li r-raġel tressaq akkużat bi vjolenza domestika tant li kien avżat ma jagħmilx kuntatt mas-sieħba

Raġel mill-Pieta nfaqa’ jibki fil-Qorti meta nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat bi vjolenza domestika.

L-akkużat, li għandu 32 sena, tressaq quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace akkużat li hedded lis-sieħba tiegħu fuq it-telefown.

Huwa kien akkużat li għamel użu ħażin mill-mezzi tal-kommunikazzjoni, li kiser ordni ta’ protezzjoni li kienet ħarġet il-Qorti biex ma jersaqx lejn is-sieħba tiegħu.

Minkejja l-ordni tal-Qorti, l-akkużat kemm-il darba għamel kuntatt mal-mara.

L-akkużat, wieġeb mhux ħati tal-akkużi.

Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest waqt li l-Prosekuzzjoni spjegat lill-Qorti li l-akkużat kellu jsegwi żewġ ordnijiet ta’ protezzjoni, mogħtija f’Marzu li għadda u li kisirhom.

Il-Prosekuzzjoni fakkret lill-Qorti li r-raġel kien jinsab fuq ħelsien mill-arrest meta kiser din l-ordni u li kemm-il darba kiser il-curfew.

L-Avukat tiegħu pprova jispjega l-problemi li kienet qed tiffaċċja l-koppja, iżda l-Maġistrat waqfu.

“Ir-raġel qatt ma refa’ jdejh fuq martu,” saħaq l-Avukat.

Minkejja kull tentattiv, ir-raġel inżamm arrestat.

More in Qrati u Pulizija