Batibekki wara li Mizzi ma deherx għall-Każ Kostituzzjonali miftuħ minnu stess

Konrad Mizzi qed jisħaq li nkisirlu d-dritt għal smigħ xieraq

Dalgħodu beda jistema’ każ xi ftit jew wisq ikkumplikat miftuħ mill-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi bħala parti mill-investigazzjoni dwar il-kumpaniji tal-Panama, liema każ spiċċa staġnat f’sensiela ta’ appelli u kumplikazzjonijiet.

Il-Ministru Konrad Mizzi qed jisħaq li nkisirlu d-dritt għal smigħ xieraq meta l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busutti kien talab inkjesta maġisterjali dwar il-kumpaniji fil-Panama, liema talba kienet intlaqgħet. Għalhekk Mizzi fetaħ Każ Kostituzzjonali u qed jitlob lill-Qorti biex tiddikjara l-proċeduri bħala "nulli." 

Issa, Simon Busuttil u David Casa qed jitolbu lill-Qorti li jkunu parti minn din il-Kawża Kostituzzjonali.

Ilbieraħ, l-Imħallef Robert Mangion, li qed jisma’ l-Każ Kostituzzjonali, qal li l-ewwel se jkun qed jiddeċiedi dwar it-talba ta’ Busuttil u Casa, qabel jikkunsidra talba oħra tal-Ministru Konrad Mizzi, biex ikun pospost is-smigħ quddiem il-Qorti Kriminali, sakemm ikun deċiż il-Każ Kostituzzjonali.

Iżda dalgħodu kulħadd deher quddiem il-Qorti, ħlief il-Ministru Konrad Mizzi li skont l-avukat tiegħu jinsab imsiefer.

Iżda wara sensiela ta’ battibekki bejn iż-żewġ naħat, xejn ma kien deċiż illum.

Dwar it-talba ta’ Busuttil u Casa, il-Qorti se tkun qed tiddeċiedi fis-seduta li jmiss f’Jannar.

Din tal-aħħar jiem kienet waħda mill-kumplikazzjonijiet li tawlu u ġebbdu dan il-każ. 

Wara l-applikazzjoni ta' Simon Busuttil, il-Maġistrat Ian Farrugia kien ordna li tibda investigazzjoni dwar il-kumpaniji fil-Panama kontra seba’ individwi, jiġifieri l-Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff Keith Schembri, il-Ministru Konrad Mizzi, Brian Tonna, Karl Cini, Malcolm Scerri u Adrian Hillman. Kollha kemm huma kienu appellaw din id-deċiżjoni.

Dawn l-appelli kellhom jinstemgħu quddiem l-Imħallef Antonio Mizzi, issa irtirat, iżda Simon Busuttil kien talab li dan jirrikuża ruħu u għal dan il-għan kien fetaħ Każ Kostituzzjonali, kollox minħabba l-fatt li huwa r-raġel tal-Ewroparlamentari Laburista Marlene Mizzi.

Il-Qorti kienet tat raġun lil Simon Busuttil, iżda l-Avukat Ġenerali kien appella minn din id-deċiżjoni, bil-Qorti tal-Appell tiddeċiedi li l-Imħallef Antonio Mizzi jista’ jkompli jisma’ l-appell.

Madanakollu, Antonio Mizzi baqa’ ma semax il-każ tal-Panama Papers hekk kif mexxa s-smigħ tal-każ għal dan ix-xahar, jiġifieri għal wara li rtira, biex hekk, l-appelli jinstemgħu minn Imħallef ieħor.

Issa, bil-Każ Kostituzzjonali miftuħ mill-Ministru Konrad Mizzi, jidher li l-proċeduri se jerġgħu jaqbdu rotta oħra.

More in Qrati u Pulizija