Offra lil sid il-ħanut sess ma' żewġ nisa qabel ma rritorna u serqu

Jixhed is-sid tal-ħanut li għal darbtejn irrifjuta sess ma' żewġ nisa differenti biex l-akkużat 'iħallas' għal flixkun whiskey

Raġel li qed ikun akkużat b’serqa minn grocer f’Santa Venera kien daħal fl-istess ħanut darbtejn fl-istess ġurnata u offra lis-sid sess ma’ żewġ nisa differenti minflok iħallsu bil-flus.

L-akkużat, tressaq il-Qorti l-ġimgħa li għaddiet, quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace, akkużat li wettaq serqa, armat b’arma tan-nar, mill-ħanut f’Santa Venera.

Illum xehed sid il-ħanut li spjega kif dakinhar tas-serqa, nhar it-8 ta’ Diċembru, l-akkużat daħal darbtejn fl-istess ħanut.

L-ewwel darba huwa ġabar diversi prodotti tal-ikel u spjega lis-sid li ma kellux biżżejjed flus biex iħallas. Minflok, offra lis-sid li jkollu x’jaqsam ma’ dik li hu qal li kienet il-mara tiegħu. L-istess mara, sakemm l-akkużat beda jagħżel il-prodotti, intefgħet tparla mas-sid.

Is-sid irrifjuta u talabhom biex jitilqu mill-ħanut.

Kompla jispjega kif ftit wara, l-akkużat irritorna fil-ħanut ma’ mara oħra u qallu li  din kienet iżgħar u isbaħ mill-ewwel waħda. Reġa’ offrilu li jkollu x’jaqsam magħha u hu jħallsu billi jagħtih flixkun whiskey. Is-sid reġa’ rrifjuta.

Iżda dakinhar stess filgħaxija, waqt li beda jaħsel is-skieken, l-istess raġel reġa’ daħal u ordnalu ma jiċċaqlaqx. Spjega kif beża’ u għamel dak li ordnalu għax beża’ li jisparalu.

L-akkużat allegatament resaq u seraq €500 u ħarab minn fuq il-post bil-karozza ta’ oħtu.

L-Ispettur Lydon Zammit qal ukoll li qabel kien interrogat mill-Pulizija, l-akkużat ikkonferma d-dettalji kollha ħlief li kien qed iġorr arma tan-nar.

Huwa qal li Attard ikkopera mal-Pulizija li urihom ukoll fejn kienu l-flus li seraq.

More in Qrati u Pulizija