Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Degiorgio meħlus mill-akkuża li kien involut f'serqa minn vann ta' flus

Degiorgio, flimkien ma’ żewġt irġiel oħra kienu akkużat li fis-26 ta’ Ottubru kienu serqu vann tal-Group 4 f’Santa Venera

Yendrick Cioffi / 14 ta' Diċembru 2018 14:25
Alfred Degiorgio, wieħed mill-irġiel akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, inħeles mill-akkużi li kien involut f’serqa ta’ vann tal-flus fis-sena 2000.

Degiorgio, flimkien ma’ żewġt irġiel oħra, kien akkużat li fis-26 ta’ Ottubru kien involut f'serqa minn vann tal-Group 4 f’Santa Venera. Matul din is-serqa, kienu nsterqu mal-miljun lira.

Il-flus kienu nstabu fid-dar ta’ wieħed mill-irġiel akkużati. Dawn kienu moħbija f’basktijiet tal-plastik taħt saqqu. Dan l-akkużat kien instab ħati biss li kien qed iżomm il-flus misruqa u ngħata sentenza sospiża. L-akkużat l-ieħor, li kien is-sewwieq tal-vann, kien inħeles mill-akkużi.

Alfred Degiorgio kien implikat fil-każ mill-akkużati l-oħra. Huwa wkoll kien instab ħati li kien qed iżomm flus misruqa wara li fuq wieħed mill-basktijiet kienet instabet marka waħda ta’ subajgħ.

Huwa kien appella mis-sentenza wara li ngħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.

Fid-deċiżjoni tagħha, l-Imħallef Edwina Grima għamlet referenza għal dak li hi sejħitlu bħala difett fil-proċedura u li kien ħarab lill-ewwel Qorti, inkluż liż-żewġ partijiet fil-każ.

Fl-akkużi oriġinali, il-prosekuzzjoni kienet akkużat lil wieħed mill-irġiel, u mhux lil Degiorgio, li kien qed iżomm il-flus misruqa. Madanakollu, aktar tard, l-Avukat Ġenerali kien għamel din l-akkuża għat-tliet akkużati

Għalhekk, skont l-Imħallef, Degiorgio ma setax jinstab ħati ta’ dan ir-reat hekk kif ma kienx tressaq akkużat b’din l-akkuża u allura ma kien hemm l-ebda kumpilazzjoni ta’ evidenza dwarha.

Dwar il-bqija tal-evidenza, l-Imħallef Grima nnutat kif l-ewwel Qorti bbażat kollox fuq marka waħda tas-subajgħ.

Saħqet li ma kien hemm l-ebda evidenza oħra li b’xi mod setgħet torbot lil Degiorgio ma’ din is-serqa u minkejja dan, l-ewwel Qorti iddeċidiet li l-akkużat kien ġarr il-basket tal-plastik.

Madanakollu, kompliet tispjega l-Imħallef, dan ma jfissirx li l-akkużat miss il-flus. Saħqet li ma kien hemm l-ebda evidenza li Degiorgio miss il-basket qabel jew wara s-serqa.

Ikkonkludiet li l-ewwel Qorti sabet lil Degiorgio ħati fuq serje ta’ suppożizzjonijiet minħabba marka waħda ta' subajgħ.

Kien għalhekk li ħelsitu minn din l-akkuża.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook