Inkjesta Daphne | John Muscat jgħid li hu qatt ma kien appuntat espert tal-Qorti

Dan minkejja li fis-sottomissjoni tal-Avukat tiegħu hemm imniżżel li Muscat "irritorna karti lill-Maġistrat"

Fil-Qorti, l-espert tas-sigurta John Muscat instema’ jgħid li hu qatt ma kien parti mill-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia anke jekk waqt l-istess seduta l-Avukat tiegħu qal li Muscat kien “irritorna dokumenti lill-maġistrat.”

Ilbieraħ beda jinstema’ l-libell li fetaħ kontra l-Editur Maniġerjali ta’ MediaToday, Saviour Balzan u l-editur tal-gazzetta ILLUM, Albert Gauci Cunningham.

Waqt li l-avukati kienu qed jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom, Joh Muscat instema’ jgħid li hu qatt ma kien appuntat espert fl-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-każ qed jinstema' quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello. L-Avukat Veronique Dalli qed jidher għall-MediaToday filwaqt li Joseph Zammit Maempel qed jidher għal John Muscat.

Muscat kien imsemmi f’artiklu miktuba miż-żewġ gazzetti. Wieħed mill-artikli kien jikkwota sorsi mill-Pulizija jgħidu li ma jistgħux jafdaw uħud mill-esperti tal-Qorti, fosthom John Gera, li rriżenja meta l-investigazzjoni għaddiet f’idejn il-Maġistrat Neville Camilleri, Roberto Critien u anke John Muscat li huwa ħu Caroline Muscat, li għal xi żmien serviet bħala ‘campaign manager,’ tal-Partit Nazzjonalista u llum ġurnalista ta’ The Shift News.

Fost oħrajn, Pulizija kienu mħassba minħabba l-fatt li ċertu informazzjoni fl-investigazzjoni spiċċat għand il-ġurnal Taljan La Repubblica.

L-artiklu kien ikompli jgħid li uffiċjali għolja li qed jaħdmu fuq l-investigazzjoni għaddew informazzjoni mhux eżatta lill-esperti tal-Qorti bil-għan li jidentifikaw lil dawk li kienu qed jgħaddi l-informazzjoni lill-ġurnalisti u lill-politiċi.

Iżda lbieraħ, l-Avukat Joseph Zammit Maempel, li qed jidher għal Muscat, saħaq li l-klijent tiegħu ma setax għadda informazzjoni lil La Repubblika minħabba l-fatt li hu rriżenja f’Marzu tal-2018.

Madanakollu, fil-Qorti nstema’ wkoll li Muscat għaddha “l-karti lura” lill-Maġistrat inkwerenti, b’din l-istqarrija titfa’ dubju fuq dak li nstema’ jgħid John Muscat, jiġifieri li hu ma kienx appuntat espert tal-Qorti.

L-inkjesta għadha għaddejja u tinsab f’idejn il-Maġistrat Neville Camilleri.

More in Qrati u Pulizija