Ħatja li ħolqot inkonvenjent lill-ġirien għax kienet trabbi sebat iqtates f'appartament

Il-mara weħħlet multa ta' €30 wara li nstabet ħatja mill-Qorti tal-Appell

Mara li kienet iżżomm sebat iqtates fl-appartament tagħha nstabet ħatja li kienet qed toħloq inkonvenjent lill-ġirien tagħha iżda nħelset mill-akkużi li kienet qed tagħtihom fastidju.

Il-mara spiċċat fl-iżbarra wara li l-ġirien ilmentaw mal-awtoritajiet, liema lmenti waslu għal spezzjonijiet minn uffiċjali tas-sanità.

Il-koppja, li ressqet l-ilmenti, saħqet li ma setgħux jifilħu aktar għar-riħa mill-ħmieġ tal-qtates li kien jitħalla jiġri fil-veranda.

F’Marzu tas-sena li għaddiet, l-akkużata kienet inħelset mill-akkużi, iżda xahar wara, l-Avukat Ġenerali appella mis-sentenza.

L-Imħallef Edwina Grima sabet li l-mara kienet qed tikser il-kuntratt li kienet iffirmat meta xtrat l-appartament għax mhux suppost iżżomm annimali.

Innutat ukoll kif kienet tħalli l-qtates jiġru sakemm tkun ix-xogħol u kienet tħallilhom il-litter fil-veranda, tant li r-riħa kienet tispiċċa għand il-ġirien li minn żmien għal żmien kienu joqogħdu taħtha.

Din il-koppja kienet ilmentat tant li l-mara kienet ġarret kollox għall-kamra tal-banju iżda dan għamel l-affarijiet agħar, għax it-tieqa kienet tagħti għal fuq il-kamra tas-sodda tagħhom.

Kien għalhekk li l-mara nstabet ħatja u weħlet multa ta’ €30.

 

More in Qrati u Pulizija