Lura fl-iżbarra l-għada li ngħatat il-ħelsien mill-arrest

Il-mara li allegatament tat daqqa ta' martell lill-ġara reġgħet spiċċat il-Qorti

L-għada li ngħatat il-ħelsien mill-arrest, il-mara li lbieraħ tressqet akkużata li tat daqqa’ ta’ martell lill-ġara, reġgħet ġiet arrestata wara li kisret il-kundizzjonijiet imposti fuqha mill-Qorti.

Kien is-sit illum.com.mt li żvela l-każ li seħħ jumejn ilu, meta l-mara, allegatament, tat daqqa ta’ martell lill-ġara tagħha.

Hija ngħatat il-ħelsien mill-arrest bil-patt u l-kundizzjoni li ma tmurx fid-dar tagħha f’San Pawl il-Baħar, li tibqa’ f’appartament f’Raħal Ġdid u li ma toħroġx bejn is-7:00pm u t-8:00am.

Iżda dalgħodu, il-Pulizija lemħitha viċin id-dar tagħha f’San Pawl il-Baħar u minn hemm spiċċat fl-iżbarra.

Minkejja t-talba għall-ħelsien mill-arrest, il-Qorti ordnat li l-mara tinżamm arrestata anke jekk hi wieġbet mhux ħatja.

Hija tilfet ukoll l-garanzija ta’ €10,000 li ħallset ilbieraħ.

Il-Qorti talbet ukoll lid-direttur tal-ħabs biex jgħin lill-mara kemm jista’ jkun biex tegħleb sfidi li għandha.

More in Qrati u Pulizija