Erbat irġiel arrestati wara sejba oħra ta' droga

Mhux eskluż li l-irġiel ikunu akkużati wkol b'ħasil ta' flus

Erba' persuni ġew arrestati wara sejba droga li saret waqt spezzjonijiet li saru Santa Luċija u Ħaż-Żebbuġ.

Ilbieraħ, il-Pulizija mill-Iswadra ta' Kontra d-Droga, bl-għajnuna tar-Rapid Intervention Unit, waqfu vann fl-inħawi ta' Santa Luċija u nstabu fih 20 kilogramma pakketti pjanta tal-kannabis u €40,000 fi flus kontanti.

Fi spezzjoni oħra li saret ġewwa residenza fil-limiti ta' Ħaż-Żebbuġ, instabu wkoll 3 kilogrammi ta' sustanza suspettata eroina.

B'kollox ġew arrestati erbat irġiel, tnejn minn Bormla, wieħed minn Ħaż-Żebbuġ u ieħor Sqalli li għandhom bejn is-26 u l-50 sena.

Mhux eskluż li l-irġiel jitressqu l-Qorti akkużati b'assoċjazzjoni fit-traffikar u pussess aggravat tad-droga, kif ukoll ħasil tal-flus

Intant, fil-21 ta' Novembru, id-Dipartiment tad-Dwana interċettaw kontejner li kellu fih 35 pakkett u kull wieħed kellu fih 44 kilogramma kokaina, li l-valur tagħha jlaħħaq il-€4.5 miljun.

More in Qrati u Pulizija