Iwaddab kull ma sab lis-sieħba wara li ma sabx landa tonn taż-żejt

Ir-raġel tressaq il-Qorti llum u ngħata l-ħelsien mill-arrest

Raġel spiċċa l-Qorti wara li spiċċa jgħajjar, jhedded u jattakka lis-sieħba tiegħu wara argument fuq landa tonn taż-żejt.

L-Ispetturi Oriana Spiteri u Eman Hayman akkużaw lir-raġel li għandu 40 sena minn Ħaż-Żabbar quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale.

Jidher li l-argument beda fuq landa tat-tonn taż-żejt li l-akkużat ma sabx. Skont il-prosekuzzjoni, meta ma sabx il-landa, l-akkużat waddab l-affarijiet kollha li kien hemm fuq il-medja lis-sieħba tiegħu.

L-Ispettur Hayman spjega kif din ma kinitx l-ewwel darba li  r-raġel refa’ jdejh fuq is-sieħba tiegħu tant li l-mara kienet tibża tersaq lejh.

Qal li meta l-Pulizija waslu fuq il-post, sabu lil mara bi ħwejjiġha mċappsa għax ir-raġel wadbilha wkoll landa kunserva.

L-Avukat Dunstan Camilleri informa lill-Qorti li r-raġel qed iwieġeb mhux ħati u talab għall-ħelsien mill-arrest u insista li l-akkużi ma kinux l-aktar gravi u hemm mekkaniżmi oħra, bħal ordni ta’ protezzjoni, li jistgħu jgħinu u jipprovdu protezzjoni lill-mara.

Il-Prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest lir-raġel u ordnatlu jiffirma fl-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa filwaqt li kien ordnat ma jikkommunikax mal-mara.

“Oqgħod attent. Tkellimhiex. Jekk tkun id-dar meta hi tkun hemm, itlaq u jekk hemm bżonn itlob l-assistenza tal-pulizija,” qallu l-Maġistrat.

More in Qrati u Pulizija