Jean Claude Micallef jitlef libell kontra Manuel Delia

Dan wara kumment li kiteb fuq Facebook ħmistax wara li nqatlet Daphne Caruana Galizia

Jean Claude Micallef
Jean Claude Micallef

Il-kandidat tal-Partit Laburista u l-preżentatur Jean Claude Micallef tilef il-libell li fetaħ kontra Manuel Delia li fuq blogg kien irrefera għal kumment ta’ Micallef fuq Facebook, jiem wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, bħala ‘hate speech.’

Ħmistax wara li nqatlet Caruana Galizia, Micallef kien kiteb fuq Facebook jgħid li: “jekk tgħix ħajtek tkasbar, tmut imkasbar. Ir-rispett tirbħu tul ħajtek mhux wara mewtek.”

Fuq il-blogg bit-titlu “When hypocrisy is transparent,” Delia kien akkuża lil Micallef li l-ewwel wera rispett “b’mod drammatiku,” lejn Caruana Galizia u ftit ġimgħat wara kien qed ikasbar il-vittma waqt li insista wkoll li Jean Claude Micallef biddel it-twemmin politiku tiegħu diversi drabi skont x’jaqbillu.

Madanakollu, il-preżentatur ċaħad li kien qiegħed jirreferi għal Caruana Galizia u fetaħ il-libell jisħaq li Delia kien qed jinsinwa.

Fil-Qorti, il-blogger saħaq li kieku l-kumment ta’ Micallef kien ippubblikat qabel inqatlet Caruana Galizia kien ikun sempliċiment wieħed mill-ħafna kummenti li jittellgħu fuq il-midja soċjali.

Minkejja dan insista li għalih u għal ħafna oħra, minħabba ż-żmien li fih kien ippubblikat il-kumment, kien ċar li l-post kien qed jirreferi għal Caruana Galizia.

Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Maġistrat Francesco Depasquale insista li l-perċessjoni li ngħatat, anke għax Micallef huwa persuna pubblika u anke minħabba ż-żmien li fih kien ippubblikat il-kumment, setgħet ma kinitx dik intenzjonata mill-kittieb.

Insista li l-politiċi u l-persuni pubbliċi għandhom ikunu ta’ eżempju għal dawk li jsegwuhom fuq Facebook u għandhom ikunu konxji tal-konsegwenzi ta’ dak kollu li jiktbu u jgħidu.

“Għandhom jifhmu li l-mod kif huma jġibu ruħhom fil-pubbliku jista’ jinkoraġġixxi lil dawk li jsegwuhom biex jimitawhom u jqisu l-aġir tagħhom bħala mġieba aċċettabbli,” insista l-Maġistrat.

More in Qrati u Pulizija