Żagħżugħ jibgħat ittri foloz ta' theddid lis-sieħba tiegħu biex tibża' u tmur tgħix miegħu

Il-Maġistrat Joe Mifsud saħaq li l-avukati għandhom bżonn aktar taħriġ dwar każijiet ta’ vjolenza domestika

Żagħżugħ inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li kien qed jibgħat ittra ta’ theddid lis-sieħba tiegħu, waqt li jippretendi li kien ħaddieħor.

L-Ispettur Jonathan Ransley ressaq liż-żgħażugħ ta’ 27 sena mill-Fgura u fost oħrajn akkużah li kien qed jagħti fastidju, li kien qed isegwi l-passi tat-tfajla u anke għamel rapport falz lill-Pulizija.

Fil-Qorti nstema’ kif l-akkużat kien qed jibgħat l-ittri ta’ theddid lis-sieħba tiegħu, attaparsi ħaddieħor, bl-għan li jbeżżagħha u tmur toqgħod miegħu.

Mhux hekk biss, iżda saħansitra kien mar l-għassa mal-mara biex jagħmel ir-rapport.

L-avukat tad-Difiża saħaq li l-akkużat u l-vittma ilhom ħafna flimkien u qatt ma kellhom problemi tant li insista li ma hemm l-ebda theddid għall-vittma. Insista li l-akkużat għamel li għamel għax iħobb lill-vittma u rieda tmur toqgħod miegħu.

Madanakollu, il-Maġistrat Joe Mifsud insista li la l-Pulizija u lanqas il-Qorti ma għandha ħin x’taħli fuq rapporti foloz u saħaq ukoll li l-vjolenza emozzjonali tista’ tkun agħar minn dik fiżika.

Il-Prosekuzzjoni saħqet ukoll li ż-żagħżugħ kien qed jibgħat messaġġi lill-vittma biex ibeżżagħha.

Kompla jgħid li dak li qalu l-akkużat u l-vittma waqt l-interrogazzjoni ma qablux iżda l-Pulizija għandha data tal-mowbajl li turi kif l-akkużat huwa ħati u kien qed jibgħat dawn il-messaġġi.

Il-Maġistrat Joe Mifsud, filwaqt li żamm lill-akkużat arrestat, ikkritika lid-Difiża għall-argumenti tagħha u saħaq li l-avukati għandhom bżonn aktar taħriġ dwar każijiet ta’ vjolenza domestika.

More in Qrati u Pulizija