Anzjan jeħel multa ta' €800 wara li għajjar giddieb lil pulizija

Il-każ seħħ fi Frar li għadda f’Ħal Qormi

Anzjan ta’ 70 sena ngħata multa ta’ €800 u libertà kkundizzjonata wara li għajjar “giddieb” lil kuntistabbli tal-Pulizija waqt argument aktar kmieni din is-sena.

L-anzjan kien akkużat li insulta u hedded lill-Pulizija, li falla milli jobdi l-ordnijiet tal-Pulizija li fixkel lill-Pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, li rreżista pulizija u li kiser il-paċi pubblika.

Il-każ seħħ fi Frar li għadda f’Ħal Qormi.

Il-Qorti tal-Maġistrati, ppreseduta mill-Maġistrat Simone Grech saħqet li l-prosekuzzjoni ma pprovditx biżżejjed evidenza biex il-Qorti tiddikjara lill-akkużat li ħati li attakka u li rreżista l-pulizija.

Madanakollu qalet li kien hemm biżżejjed evidenza biex issibu ħati tal-akkużi l-oħra, waqt li insistiet li jekk persuna tgħajjar “giddieb” lill-pulizija waqt li qed jaqdi dmiru, ikun qed jinsultah.

More in Qrati u Pulizija