Wara li attakka lil Liam Debono jerġa' jispiċċa l-Qorti fuq droga

Iż-żagħżugħ kien akkużat li kiser il-kundizzjonijet tal-ħelsien mill-arrest

Wieħed mill-ħames żgħażagħ li kien tressaq il-Qorti wara li attakka u weġġa’ lil Liam Debono reġa’ ttella’ l-Qorti din id-darba akkużat b’pussess tad-droga.

Iż-żagħżugħ li għandu 18-il sena tressaq mill-Ispetturi Paul Camilleri u Sarah Zerafa akkużat b’pussess ta’ kannabis u erojina u li anke kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

L-Avukat tad-Difiża talbet il-ħelsien mill-arrest u qalet li l-każ kien biss “ġennata taż-żgħożija,” u li apparti dan il-każ, kien qed jobdi l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

“Kien sfortunat,” saħqet l-Avukat waqt li insistiet li jekk imur il-ħabs hemm ċans li jitlef ix-xogħol.

Il-Qorti ma laqgħetx din it-talba u għalhekk iż-żagħżugħ se jkun qed jinżamm arrestat.

Jekk jinstab ħati, jista' jitlef l-€2,000 garanzija tal-ħelsien mill-arrest.

More in Qrati u Pulizija