Iwieġeb ħati li xerred filmat tal-eks sieħba tiegħu waqt is-sess

Ir-raġel ingħata multa ta' €4,500

Raġel ta’ 37 sena weħel multa ta’ €4,500 wara li nstab ħati li xerred filmat tal-eks sieħba tiegħu waqt li kienu involuti f’attività sesswali flimkien.

Ir-raġel tressaq akkużat li xerred il-filmat ma’ sħabu permezz ta’ chat u anke li għamel użu ħażin minn mezzi ta’ kommunikazzjoni.

Huwa wieġeb ħati tal-akkużi.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti ġibdet l-attenzjoni tal-awtoritajiet li hemm żball fit-traduzzjoni tal-liġi mill-Ingliż għal Malti.

Il-Maġistrat spjega kif filwaqt li l-verżjoni Ingliża tal-Kodiċi Ċivili tgħid li dan ir-reat jista’ jwassal għal “sa ħames snin ħabs,” jew “multa,” il-verżjoni Maltija tgħid biss “ħames snin,” jew "multa."

Għalhekk, il-Maġistrat mexa mal-verżjoni Maltija iżda appella lill-awtoritajiet biex jirranġaw dan l-iżball li jista' jwassal għal interpretazzjonijiet diversi.

More in Qrati u Pulizija