Qorti | Għall-Monte Carmeli wara akkużi li stupra tifla ta' 15-il sena

...il-Qorti tiċħad it-talba tal-avukat tal-gwardjan tal-ħabs għall-ħelsien mill-arrest

Gwardjan tal-ħabs kien akkużat dalgħodu quddiem il-Qorti illi stupra tifla ta' 15-il sena illi kienet fit-Taqsima YOURS tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin. Huwa kien akkużat ukoll illi ffastidja lil persuna oħra li kienet fl-istess taqsima. 

Ir-raġel, ta' 52 minn Ħal Kirkop, deher quddiem il- Maġistrat Audrey Demicoli u kien akkużat bi stupru aggravat, li pparteċipa f'atti sesswali ma' persuni taħt l-età, b'fastidju u b'atti li hu kien fid-dmir li ma jħallix isiru.

L-akkużat wieġeb mhux ħati bl-avukat difensur Franco Debono jitlob il-ħelsien mill-arrest. Debono fakkar fl-importanza tal-preżunzjoni tal-innoċenza, jiġifieri li persuna hija mkeqjusa innoċenti sakemm misjuba ħatja.

L-Ispettur Joseph Busuttil fakkar illi f'dan il-każ hemm "tifla ta' 15-il sena li kienet stuprata. Bosta xhieda huma kollegi tal-gwardjan stess. Jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest hemm biża' li hu jitkellem max-xhieda." 

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li l-akkużat jinżamm f'Monte Carmeli. 
 

More in Qrati u Pulizija